“Li Tkun Mara, Kantanta U Attiva Fil-Politika Mhux Xi Diżunur” – L-MEIA
“Ilbieraħ waqt id-dibattitu fuq X-tra Julia Farrugia Portelli ippruvat twaqqani għaż-żufjett billi żżeffen il-karriera mużikali tiegħi bħala artista, u allura lil kull min bħali hu artist ukoll.”
Hekk saħqet il-Kandidata tal-PN Julie Zahra fuq il-mezzi soċjali tagħha dwar il-kumment li l-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet fil-konfront tagħha.
“Hawnhekk mhux qegħdin fuq palk inkantaw,” qalet il-Ministru waqt dibattitu li kellha ma’ Zahra.
Dwar dan il-kumment il-Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA) esprimit s-solidarjetà sħiħa tagħha mal-artisti kollha u kkundannat kummenti dispreġjattivi li jipprovaw iżebilħu l-professjoni jew il-vuċi tal-artist lil hinn mill-arti tiegħu jew tagħha.
“Li tkun mara, kantanta u attiva fil-politika mhux xi diżunur,” qalet l-MEIA, filwaqt li qalet li hemm bżonn ħafna iktar artisti li jwasslu leħinhom f’dak li jemmnu u inqas politiċi li jitkellmu dwar il-professjoni fl-arti b’diżrispett.
“Ironikament, fi żminijiet tal-pandemija aktar faċli tkun politiku fuq palk milli tkun artist tagħmel xogħlok fuq palk. Jidher ċar li għad fadal ħafna xogħol xi jsir biex l-arti titqies bħala xogħol professjonali u inklużiva fis-soċjetà tagħna,” temmet tgħid L-MEIA.
Il-Kap tal-PN Bernard Grech ukoll irreaġixxa għal dak li ntqal Ilbieraħ minn Julia Farrugia Portelli fejn qal li bi kliemha ppruvat tiżżufjetta bl-artisti Maltin u Għawdxin.
Bernard Grech fuq il-mezzi soċjali kiteb li Gvern Laburista ħalla lill-artisti lokali fl-għama u nesiehom ukoll tul il-pandemija, meta naqas milli jippubblika linji gwida ċari ta’ kif dan is-settur tant importanti seta’ jerġa’ jibda jopera wara xhur twal.
Huwa żied jgħid li jixtieq iserraħ ras l-artisti. “Bi programm elettorali li jinkludi sezzjoni sħiħa dwar l-artisti b’inċentivi biex jgħin lill-artisti u jinvolvihom fi proċessi ta’ konsultazzjoni, u jinċentiva wkoll lit-tfal minn età żgħira biex jattendu korsijiet ekstrakurrikulari, il-Partit Nazzjonalista lest biex jagħti lill-artisti tagħna, l-appoġġ li jixirqilhom,” tenna l-Kap tal-PN.
Dr Bernard Grech temm jgħid li l-PN jemmen fl-arti u fl-artist.