“Ma Rridu Lil Ħadd Ibati Biex Ilaħħaq Sal-Aħħar Tax-Xahar” – Il-Partit Nazzjonalista

 “Ma Rridu Lil Ħadd Ibati Biex Ilaħħaq Sal-Aħħar Tax-Xahar” – Il-Partit Nazzjonalista

“Mal-Partit Nazzjonalista ser jaqbillek, kemm jekk inti żagħżugħ għax ser niftħu opportunitajiet ġodda, kemm jekk inti ħaddiem għax il-pagi jerġgħu jibdew jiżdiedu kif ukoll jekk inti pensjonant għax ser nagħmlu riforma profonda fis-sistema tal-pensjonijiet b’mod li niggarantulek pensjoni dinjituża biex tgawdi l-frott tal-ħajja tiegħek. Fuq kollox ser nindirizzaw l-inġustizzji u l-anomaliji kollha preżenti fis-sistema tal-pensjonijiet fejn hawn eluf li baqgħu imċaħħda minn pensjoni dovuta lilhom bi dritt.”

Dan qalu l-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius u l-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Ian Vassallo u Paula Mifsud Bonnici f’konferenza tal-aħbarijiet fejn spjega fid-dettall il-proposti tal-PN għall-pensjonijiet li jinkludu dan li ġej:

  1. Bidla fil-mekkaniżmu għal min twieled qabel 31/12/1961

Filwaqt li l-mekkaniżmu ġust ta’ 30-70 se jibqa’ jgħodd għall-pensjonanti li kienu li twieldu wara Jannar tal-1962, ser niżguraw li anke l-pensjonanti ta’ qabel dik id-data, ikollhom żidiet b’mekkaniżmu simili li jinvolvi l-inflazzjoni u l-paga medja minflok il-COLA biss. Dan ser iwassal biex aktar minn 80,000 pensjonant jibdew jaraw żidiet li jtaffu l-impatt tal-għoli tal-ħajja.

  1. Il-pensjoni minima nazzjonali

Il-Pensjoni Minima Nazzjonali tiżdied għal-livell tal-Paga Minima Nazzjonali, biex min ikun ħallas il-bolol kollha, minflok €8,778 jirċievi €9,568 fis-sena. Din il-proposta tkun tgħodd ukoll meta gvern ġdid Nazzjonalista jintroduċi l-living wage.

  1. Ġustizzja mal-pensjonanti bi snin ta’ ħidma addizzjonali

Tissewwa l-inġustizzja li qed iġarrbu l-pensjonanti li ħadmu snin addizzjonali wara l-età tal-pensjoni tagħhom billi kull persuna li kellha l-bolol sħaħ qabel laħqet l-età tal-pensjoni, iżda li baqgħet taħdem sal-età tal-pensjoni jew aktar u għalhekk baqgħet tikkontribwixxi għas-sigurtà soċjali, ser tkun tikkwalifika għal dak li ħaqqha preċiżament bħal dawk li għalihom japplika l-avviżi legali tas-sena 2016 u 2019.

  1. Ġustizzja mal-pensjonanti tat-teżor

Intaffu bil-kbir l-inġustizzja b’rabta mal-pensjoni tat-teżor jew tas-servizz li qed iġarrbu eluf ta’ pensjonanti. Dan billi titnaqqas l-età tal-hekk imsejjaħ age-72 proviso biex jibda jinkludi lill-pensjonanti kollha li jagħlqu s-70 sena, filwaqt li dawk kollha li jagħlqu t-80 sena u li jkunu jikkwalifikaw għaliha, ikollhom pensjoni tas-sigurtá soċjali sħiħa garantita. Dan minbarra li l-ammont injorat mill-kalkolu tas-sigurtà soċjali jibqa’ jiżdied minn €200 fis-sena kif dejjem ġara, għal €300. Hekk niżguraw li r-rata lejn pensjoni tas-sigurta’ soċjali sħiħa tinkiseb ferm qabel taħt Gvern ġdid Nazzjonalista.

Gvern ġdid Nazzjonalista jiżgura wkoll li minbarra l-pensjoni tas-sigurtà soċjali, anke l-pensjoni tat-teżor tibda tintirek mill-konjuġi li tkun romlot jew romol.

  1. Ħlas tal-bolol neqsin

Minbarra l-iskema li qed titħaddem bħalissa biex il-ħaddiema fl-aħħar snin tax-xogħol ikunu jistgħu jħallsu somma f’daqqa biex jgħaqqdu l-bollol neqsin għal 5 jew 10 snin f’każ ta’ persuni li kienu jaħdmu l-Libja, ser naraw li l-persuni li għalqu l-65 sena u ma’ jkunux għaqqdu l-35, l-40 jew il-41 sena bolol meħtieġa għal pensjoni sħiħa, ikollhom iċ-ċans jibqgħu fis-suq tax-xogħol sa 5 snin addizzjonali biex jgħaqqdu l-bolol neqsin.

Minbarra dan, lill-persuni li daħlu jew se jidħlu tard fis-suq tax-xogħol minħabba dottorat jew post-dottorat se nibqgħu nagħtuhom l-ekwivalenti ta’ sena għal kull sena studju. U lil min daħal jew se jidħol fis-suq tard minħabba masters jew lawrea se jibqa’ jingħata 39 ġimgħa għal kull sena studju.

  1. Aktar pensjonanti fl-impjieg

It-talent tal-anzjani tagħna rridu nindukraw u mhux inwarrbuh u għalhekk ser naraw li l-persuni rtirati fl-età ta’ 61 sa 64 sena jkunu jistgħu jieħdu l-pensjoni li huma intitolati għaliha bi tnaqqis ibbażat fuq kemm jieħduha qabel l-eta ta’ l-irtirar, diment li jkollhom il-ħlasijiet kollha għal 35 sena, 40 sena jew 41 sena, u jibqgħu jaħdmu. Ir-rata ta’ tnaqqis tkun kif ġej:

  • Jekk il-persuna tirtira erba’ snin qabel l-eta’: tnaqqis ta’ 15%.
  • Jekk il-persuna tirtira tlett snin qabel l-eta’: tnaqqis ta’ 11%.
  • Jekk il-persuna tirtira sentejn qabel l-eta’: tnaqqis ta’ 8%.
  • Jekk il-persuna tirtira erba’ snin qabel l-eta’: tnaqqis ta’ 5%.

Barra minn hekk, ser ikomplu jitwessgħu l-benefiċċji biex aktar persuni li jagħlqu l-65 sena u li jikkwalifikaw għall-pensjoni, ikunu jistgħu jgawdu pensjoni sħiħa filwaqt li jkomplu jaħdmu full-time jew part-time.

Jekk persuna tagħżel li ma’ jieħux il-pensjoni qabel l-eta’ ta’ l-irtirar u tibqa’ taħdem, tibbenefika minn żieda fir-rata tal-pensjoni kif ġej:

  • Jekk il-persuna tirtira sena wara: żieda ta’ 7%.
  • Jekk il-persuna tirtira sena wara: żieda ta’ 13%.
  • Jekk il-persuna tirtira sena wara: żieda ta’ 20%.
  • Jekk il-persuna tirtira sena wara: żieda ta’ 27%.
  1. Pensjoni sħiħa lir-romol mill-ewwel budget

Il-proċess imniedi f’Jannar 2022 li permezz tiegħu madwar 12,000 pensjonant li jirċievu pensjoni għar-romol jibdew jirċievu rata ta’ pensjoni sħiħa li kieku kien qiegħed jirċievi l-konjugi minflok 5/6, jiġi implimentat fl-ewwel budget minflok fuq numru ta’ snin.

  1. Sistema ta’ pensjoni ġusta f’każ ta’ divorzju

Fl-ewwel budget tiġi implimentata soluzzjoni legali u vijabbli għal dawk il-pensjonanti divorzjati li jirtu l-pensjoni ta’ eks konjuġi tagħhom biss bħala persentaġġ tal-pensjoni tar-romol, meta jmut jew tmut l-eks konjuġi tagħhom. Din is-soluzzjoni tkun waħda ġusta għaż-żewġ naħat, u li ma tnaqqar mill-pensjoni tal-ebda konjuġi.

  1. Appoġġ lil min l-aktar għandu bżonn

Fid-dawl tal-politika ta’ appoġġ lil min hu l-aktar vulnerabbli kif ukoll fil-ħidma lejn il-mekkaniżmu tal-living income, ser isir tisħiħ strutturat fl-għajnuniet supplimentari biex l-anzjani fil-faxxa t’isfel jiksbu kwalità tal-ħajja diċenti u ġid għal saħħithom. Barra minn hekk, jitwettaq titjib fil-mekkaniżmu mħaddem għall-pensjoni tal-invalidità biex niżguraw li min tassew ħaqqu jkollu pensjoni li tirrispetta d-dinjità tiegħu.

  1. Appoġġ lil min ma jikkwalifikax

Jintuża mekkaniżmu stabbilit biex il-pensjonanti li ma jikkwalifikawx għal pensjoni kontributorja jkollhom alternattivi sostenibbli li jtejbulhom il-livell tal-kwalità tal-ħajja, b’żieda ta’ bonus doppju minn dak imwiegħed fl-aħħar budget.

  1. Bonus tal-għoli tal-ħajja

Il-proċess imniedi f’Jannar 2022 li permezz tiegħu il-pensjonanti li irtiraw fis-sena 2009 jew wara jirċievu rata sħiħa ta’ bonus tal-għoli għall-ħajja, jibdew jirċievu rata sħiħa f’sena waħda mill-ewwel budget minflok fuq numru ta’ snin.

  1. Pensjonijiet eżenti mit-taxxa

Id-dħul mill-pensjonijiet kollha jkun mhux taxxabli kif ukoll kull dħul ieħor li jkun ġej minn xogħol.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com