“Malta Flimkien: Dan Il-Moviment Huwa L-Futur Ta’ Dan Il-Pajjiż” – Il-Partit Laburista
“Is-Sibt li għadda beda l-ewwel survey reali u jkompli nhar is-Sibt li ġej. Is-Sibt li ġej hija l-ġurnata fejn ser jiġi determinat l-futur ta’ dan il-pajjiż. Jekk hux ħa morru lura għall-passat jew nibqgħu mexjin kif qegħdin bis-saħħa lejn id-direzzjoni futur. Dan il-moviment huwa l-futur ta’ dan il-pajjiż. Nhar is-Sibt l-għażla ser tkun min għandu l-aħjar pjan għall-pajjiż. Aħna għandna elf proposta għall-pajjiż li bis-siġill t’approvazzjoni tan-nies jsiru elf kisba għal pajjiżna. Li tibqa d-dar jfisser siġill t’approvazzjoni għall-manifest tal-Partit Nazzjonalista li jrid jeħodna lura fil-passat. Firdu partit, tħalluhomx jifirdu pajjiż.”
Dan qalu l-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt intervista minn Kylie Vella bħala parti mill-kampanja elettorali fix-Xagħra, Għawdex.
Dr Abela sostna kif Għawdex mexa ħafna ‘l quddiem mill-2013 lill hawn, fejn kiber is-suq tax-xogħol u ħafna Għawdxin jaħdmu mal-privat f’Għawdex stess. Kompla li f’Għawdex għandna l-inqas rata ta’ qgħad li qatt kellna. Huwa stqarr li ser ikomplu jaraw li Għawdex tibqa’ tkun fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern.
Dr Abela sostna li l-pajjiż jeħtieġ prijoritajiet ġodda. Għaldaqstant niedew l-ikbar investiment ambjentali ta’ €700 miljun, biex jirriflettu dawn il-prijoritajiet ġodda. Hawnhekk diġa ġew identifikati l-proġetti li jridu jsiru. Sostna li bl-istess mod li għamlu l-investimenti ambjentali u bl-istess mod li saħħew l-ekonomija u s-suq tax-xogħol, issa ser jiffukaw fuq il- prijorità l-ġdida li għandu l-pajjiż li ser twassal għall- kwalità ta’ ħajja u arja aħjar. Dr Abela semma l-proġetti tas-shore to ship fil-Port il-Kbir u l-Freeport, l-investiment u l-inċentivi fil-karozzi elettriċi, l-ban tas-single use plastic kif ukoll ir-riformi kbar fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart li għandhom iwasslu biex nagħmlu riżorsa mill-iskart.
Ġewwa Għawdex, Dr Abela semma kif implimentaw numru ta’ proġetti ambjentali fosthom fil-Qortin fejn minn miżbla kkonvertewa fi spazju miftuħ u inawguraw l-ewwel impjant tar-reverse osmosis. Apparti dawn il-proġetti ġie inawgurat il-proġett tal-Waterfront ta’ Marsalforn u l-Menqa, beda jopera t-tieni fibre optic bejn Malta u Għawdex kif ukoll semma l-investiment ta’ din is-sena ta’ €11-il miljun għat-titjib tat-toroq f’Għawdex.
Dr Abela sostna li se jkomplu jinvestu fl-ambjent, fil-pagi u d-dħul u fl-edukazzjoni kif ukoll il-Garanzija għat-Tfal fejn kull tifel u tifla jkollhom l-istess ċans li jimxu ‘l quddiem bl-istess ammont ta’ għodda f’idejhom. Stqarr li se jkomplu jinċentivaw biex uliedna jibqgħu fl-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll li t-tfal ikunu f’attività sportiva, kulturali u artistika. Apparti dan ser ikomplu l-inwork benefit u se jżidu ċ-children’s allowance.
“Għandna quddiemna pjan ċar biex Għawdex ikollu futur sabiħ, 53 proposta diretti li jolqtu lil Għawdex u 300 referenza għal Għawdex fil-manifest tagħna. Se nkomplu npoġġu lil Għawdex fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern. Irridu li Għawdex ikun pijunier fiż-żewġ bidliet il-kbar li se jkollna f’pajjiżna, l-qalba diġitali u t-transformazzjoni ambjentali. Nemmen li l-Għawdxin se jkunu minn ta’ quddiem biex nibnu futur sabiħ. Malta Flimkien, il-futur sabiħ. Il-futur f’idejkom,” kkonkluda Dr Abela.