Malta Flimkien: Standards Ġodda Fis-Settur Tad-Diżabilità

 Malta Flimkien: Standards Ġodda Fis-Settur Tad-Diżabilità

“Fis-settur tad-diżabilità sar ħafna, u minn gvernijiet differenti, imma nemmen li rridu nilħqu standards ġodda u ogħla”. Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela l-lejla waqt l-attività Awla, parti mill-kampanja elettorali tal-Partit Laburista.

Il-Prim Ministru tkellem dwar kif ingħataw benefiċċji u ssaħħu d-drittijiet, fost oħrajn bil-proġett Soċjetà Ġusta li kien il-proġett li permezz tiegħu persuni b’diżabilità baqgħu jgħixu u jintegraw fil-komunità li jafu. “Iżda issa, se nagħmlu pass ieħor biex inkunu ta’ sostenn għall-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità severa”, kompla l-Prim Ministru.

“Meta nitkellmu dwar CDAU ma nistgħux ngħidu li għamilna biżżejjed, dejem għandek fejn tista’ ttejjeb”, qal il-Mexxej Laburista qabel semma tliet inizjattivi li qed jipproponi l-Partit Laburista u li jekk il-poplu jagħtih il-fiduċja tiegħu fis-26 ta’ Marzu, se jkunu minn tal-ewwel li jiġu implimentati.

L-ewwel hija li jkunu konsolidati s-servizzi ofruti mic-Child Development Assessment Unit f’binja ġdida u adekwata għall-ħtiġijiet tal-lum; Jitwaqqaf ċentru tas-CDAU f’Għawdex biex joffri s-servizzi li bħalissa qed jiġu offruti minn Malta biss u b’hekk jitnaqqas l-inkonvenjent u l-iskariġġ għat-tfal u l-familji tagħhom; ujIkunu estiżi kemm jista’ jkun s-servizz ta’ Occupational Therapy provdut mis-CDAU fl-iskejjel, biex din it-tip ta’ terapija tingħata fl-iskejjel stess u mhux iktar fi sptar. Dan se jsir mhux biss biex din it-tip ta’ terapija tingħata f’ambjent aħjar, imma biex tgħin ukoll l-inklużjoni.

Il-Prim Ministru semma wkoll miżura oħra li ssaħħet fl-aħħar baġit, u se tkompli tissaħħaħ bil-proposta li ressaq illum, dik li tissaħħaħ b’mod qawwi l-għotja għal carer ta’ persuna b’diżabilità severa minn €500 fis-sena għall-ekwivalenti ta’ nofs il-paga minima. Dan ifisser il-ġenituri li jkollhom tfal adulti b’diżabilità severa u ma jkunux jistgħu jaħdmu biex jieħdu ħsiebhom se jibdew igawdu minn benefiċċju ta’ €4,750 fis-sena, li jfisser €395 fix-xahar.

“Dan huwa dak li jfisser li nħolqu l-ġid u l-ġid li noħolqu nqassmuh ma’ kulħadd”, qal il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com