Malta U L-Estonja B’Kollaborazzjoni Dwar Studji Diplomatiċi
Malta u l-Estonja ffirmaw ftehim bilaterali dwar kollaborazzjoni fuq studji diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi li permezz tiegħu l-Estonja se toffri lill-istudenti Maltin sessjonijiet dwar l-istati u l-politika Nordiċi u Baltiċi filwaqt li Malta se toffri lill-istudenti Estonjani sessjonijiet fuq il-Mediterran, l-Afrika ta’ Fuq u s-Saħel. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo jippresieda l-iffirmar virtwali ta’ ftehim bejn l-Akkademja Mediterranja tal-Istudji Diplomatiċi (MEDAC) u l-Iskola Estonjana tad-Diplomazija.
L-Akkademja Mediterranja tal-Istudji Diplomatiċi qablet mal-proposta tal-Iskola Estonjana tad-Diplomazija li Malta u l-Estonja jaħdmu flimkien fuq proġetti permezz ta’ Fondi tal-UE. L-iffirmar ta’ dan il-ftehim ħabat mat-30 anniversarju mit-twaqqif tar-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Estonja.
Il-Ministru Evarist Bartolo laqa’ dan il-ftehim u qal li filwaqt li tassew qed ngħixu fi żminijiet diffiċli ħafna u mudlama, din l-inizjattiva tagħti tama u fidi bejn żewġ stati żgħar f’reġjuni strateġiċi.
“F’Malta nżommu l-paċi soċjali fost il-komunitajiet Russi u Ukreni hekk kif nippruvaw inżommu d-diskors ta’ mibegħda u l-inċitament razzjali ‘l bogħod,” qal il-Ministru Bartolo filwaqt li enfasizza li kemm Malta kif ukoll l-Estonja għandhom rwol x’jaqdu flimkien biex jippromwovu u jibnu s-sigurtà fl-Ewropa.
Il-Ministru Bartolo qal li l-arkitettura tas-sigurtà Ewropea qed tiġi sfidata, issa li qed titfaċċa diżordni dinjija ġdida ta’ ‘might is right’.
“Sfortunatament ma tgħallimniex mill-passat imma għażilna t-triq tal-estinzjoni. Jekk id-diplomazija mhix dwar l-empatija u l-ftehim tal-kultura ta’ xulxin, dwar xhiex hi? Irridu nagħmlu sforz biex nifhmu lil xulxin u nħarsu f’għajnejn l-għadu tagħna jekk nittamaw li din id-dinja jkollha futur.”
Il-Ministru Bartolo sejjaħ l-importanza li wieħed jipprova jsib kompromessi, mingħajr ma dawn jimponu fuq it-telliefa, iżda fejn iż-żewġ naħat joħorġu bħala sovrani u jkollhom għażla ħielsa. Il-kompromessi jistgħu jkunu mhux mixtieqa iżda l-alternattiva hija agħar. Bħala stati żgħar għandna rwol importanti x’nagħtu. Iktar ma nkunu differenti f’termini tal-karatteristiċi ġeografiċi tagħna, aktar għandna raġuni biex ningħaqdu u nikkumbattu l-insularità tagħna u l-perspettivi li nħarsu ‘l ġewwa.
Il-Ministru Bartolo appella lill-MEDAC u lill-Iskola Estonjana tad-Diplomazija biex jibqgħu jilħqu istituzzjonijiet akkademiċi simili biex jibnu network ta’ ftehim speċjalment ma’ dawk fi stati żgħar.
Għall-iffirmar tal-ftehim attendew ukoll l-Ambaxxatur Estonjan għal Malta, Paul Teesalu u l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja, Kenneth Vella u Prof. Godfrey Pirotta, Chairman ta’ MEDAC, Is-Sur Ekke Nomm, id-Direttur tal-Iskola Estonjana għad-Diplomazija u Prof. Stephen Calleja, Direttur tal-MEDAC.