Mart Il-PM Lydia Abela B’Numru Ta’ Laqgħat U Żjarat Biex Timmarka Jum Il-Mara
Mart il-Prim Ministru Lydia Abela fakkret il-Jum iddedikat lin-nisa billi żammet numru ta’ laqgħat u wettqet żjarat għand diversi nisa li qegħdin fi rwoli differenti fis-soċjetà li ngħixu fiha.
“Illum kelli l-okkażjoni li niltaqa’ ma’ diversi nisa tul dawn il-laqgħat. Min-nisa ta’ dar li ddedikaw ħajjithom għall-familja, min-nisa li komplew jistudjaw u jkabbru l-għarfien tagħhom minkejja li kibru fl-età, nisa li jmexxu kumpaniji u nisa li jaħdmu f’ambjenti ddominati mill-irġiel. Magħhom tkellimt kif jiltaqgħu ma’ ċirkustanzi fejn iħossuhom differenti għax huma nisa u huwa għalhekk li Jum il-Mara għad għandu bżonn jiġi ċċelebrat, ħalli nibqgħu nedukaw li l-irwol tal-mara mhuwiex sterjotipiku iżda kull mara toħloq l-irwol tagħha” stqarret Lydia Abela.
Dr Lydia Abela bdiet il-ġurnata fi Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta fejn kienet akkumpanjata minn NL-Nisa Laburisti.
Wara kompliet b’ laqgħa mas-Sinjura Marietta Lanzon li hija Senior Probation Officer li ddedikat il-karriera tagħha taħdem ma’ nies li wettqu diversi reati. Hija kisbet Masters fl-eta’ ta’ ħamsa u ħamsin sena hekk kif iddeċidiet li tibda tistudja wara li kienet rabbiet il-familja tagħha. Dr Lydia Abela rrimarkat is-suċċess ta’ Lanzon hekk kif apparti l-fatt li rabbiet il-familja, hija sabet il-ħin ukoll tinvesti aktar fil-karriera tagħha.
Dr Abela żaret ukoll il-kumpanija Idroplast li hija mmexxijha minn Doreen Cutrona. Cutrona hija wkoll omm ta’ erbat itfal u bdiet din il-kumpanija fl-2009. Cutrona hija xempju ta’ intraprenditorjat femminili hekk kif dejjem rat l-opportunitajiet ta’ kif se tkabbar in-negozju tagħha hekk kif illum il-ġurnata bniet negozju mill-bidu, tħaddem 16-il ruħ u tesporta l-prodotti lil hinn minn xtutna. Hija wkoll attiva fis-settur tal-imprenditorjat f’ pajjiżna u tokkupa diversi rwoli. F’laqgħa li kellha mal-ħaddiema Lydia Abela, huma espremew kif Cutrona dejjem serviet ta’ inspirazzjoni għalihom u nċentivathom biex jimxu ‘l quddiem fil-karriera tagħhom.
Il-ġurnata kompliet bl-aħħar żjara lill-pulizija tal-komunita’ fil-lokalità tal-Fgura. L-uffiċjali spjegaw ġurnata tipika tax-xogħol tagħhom u d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom. Stqarrew li għalkemm huma jilbsu l-uniformi xorta waħda jsibu min iħossu skomdu li qed tkellimhom pulizija mara u għaldaqstant l-irwol tal-pulizija m’ għandux jiġi affetwat skont min jagħmlu. Huma saħqu li ix-xogħol huwa wieħed li jagħtik ħafna sodisfazzjon, u li bih jitwettaq ħafna ġid.