Mil-Lum Tista’ Tirreġistra Biex Tattendi Għall-Quddies Tal-Papa Franġisku Fuq Il-Fosos

 Mil-Lum Tista’ Tirreġistra Biex Tattendi Għall-Quddies Tal-Papa Franġisku Fuq Il-Fosos

Illum f’nofsinhar titftaħ ir-reġistrazzjoni għal kull min jixtieq jirriserva post bilqiegħda għall-quddiesa ċċelebrata mill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku. Il-quddiesa li hija miftuħa għal kulħadd se ssir nhar il-Ħadd, 3 ta’ April 2022, fuq il-Fosos tal-Furjana u tibda fl-10:15am.

Min ser jattendi għandu jkun hemm kmieni. Ir-reġistrazzjoni għal dawk li jixtiequ jirriservaw siġġu hi aċċessibli fuq papafrangisku.mt/quddiesa sal-Ħadd, 27 ta’ Marzu.

Ir-reġistrazzjoni tista’ ssir kemm għal individwu kif ukoll f’isem familja jew grupp. Min jirreġistra jirċievi email bid-dettalji u ġimgħa qabel il-quddiesa jirċievi wkoll biljett b’email. Il-biljett għandu jiġi ppreżentat dakinhar.

Għall-quddiesa se jkun hemm ukoll żona riservata għall-persuni b’siġġu tar-roti u żona għall-persuni neqsin mis-smigħ li għandhom bżonn interpretu tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija.

Dawk il-persuni li m’għandhomx aċċess għall-internet jistgħu jirrikorru fl-uffiċċju parrokkjali tal-parroċċa tagħhom.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com