Mis-Sena Skolastika Li Jmiss, L-Iskola Nazzjonali Tal-Isport Se Tilqa’ Studenti Minn Special Olympics Malta U Minn Paralympics Malta

 Mis-Sena Skolastika Li Jmiss, L-Iskola Nazzjonali Tal-Isport Se Tilqa’ Studenti Minn Special Olympics Malta U Minn Paralympics Malta

L-Iskola Nazzjonali tal-Isport, l-unika skola li tikkonċentra fuq l-akkademja u l-isport, mis-sena skolastika li jmiss se tinvolvi l-entitajiet kollha tal-pajjiż marbuta mas-settur SportMalta, il-Kumitat Olimpiku Malti, Special Olympics Malta u Paralympics Malta. Dan hekk kif mis-sena skolastika li jmiss, l-Iskola Nazzjonali tal-Isport se tilqa’ studenti minn Special Olympics Malta u minn Paralympics Malta.

Dan tħabbar waqt attività li saret fil-bini tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke biex jitfakkar l-10 anniversarju mill-ftuħ ta’ din l-iskola. F’din l-okkażjoni tħabbar ukoll li l-istudenti tal-iskola fil-jiem li ġejjin se jibdew jattendu kampijiet ta’ taħriġ fil-futbol, basketball, waterpolo, atletika, table-tennis u ġinnastika fost dixxiplini sportivi oħra. S’issa hemm konfermat il-parteċipazzjoni ta’ 64 student f’dawn il-kampijiet ta’ taħriġ, li jinkludu 28 student li jitħarrġu wkoll fil-futbol; 18 fil-basketball u 18 fil-waterpolo.

Il-President ta’ Special Olympics Malta, Dr Lydia Abela, saħqet li huwa ta’ sodisfazzjon li qed titwettaq parti oħra mill-viżjoni ta’ Special Olympics Malta.

“Bil-pass li se jara għall-ewwel darba studenti minn Special Olympics Malta u Paralympics Malta jitħarrġu fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport qegħdin nassiguraw edukazzjoni aktar inklussiva. Dan huwa pass li għal darb’oħra jpoġġi lill-istudent fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna, fejn il-politika nazzjonali tal-inklussività qed titwettaq bl-aktar mod prattiku.”

Dr Abela faħħret ukoll ix-xogħol kontinwu li għaddej mit-team ta’ Special Olympics biex f’Mejju li ġej, bejn l-10 u t-18 ta’ Mejju, Malta tospita avveniment importanti ħafna għall-Ispecial Olympics u għal pajjiżna.

Dr Lydia Abela kompliet tħeġġeġ lill-għaqdiet sportivi biex jingħaqdu ma’ Special Olympics f’din l-avventura sabiex dan l-avveniment ikun ta’ suċċess għall-atleti tagħna.

L-amministrazzjoni tal-iskola, li fiha jattendu 230 student u studenta, qiegħda dejjem tara kif tkabbar l-opportunitajiet għall-istudenti tagħha biex ikollhom esperjenzi fid-dixxiplina sportiva tal-għażla tagħhom. L-għan ewlieni dejjem jibqa’ s-suċċess fl-iskola kif ukoll fl-isport għalhekk qed ikun hemm aktar ħidma b’kollaborazzjoni ma’ SportMalta biex jiżdiedu dawn l-esperjenzi barra minn xtutna.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima tkellem dwar l-importanza ta’ edukazzjoni sħiħa. “Huwa ferm importanti l-iżvilupp sħiħ taż-żgħażagħ u li nassiguraw li dawn jingħataw l-għodda meħtieġa biex ikomplu jiżviluppaw fid-dixxiplina sportiva tagħhom filwaqt li jkomplu wkoll javvanzaw fl-akkademja. Nirringrazzja lill-istudenti għall-impenn tagħhom u wkoll lill-amministrazzjoni tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport. Grazzi li meta tkunu qed tirrappreżentaw lil Malta barra minn xtutna, qed tkunu wkoll ambaxxaturi denji ta’ pajjiżna”, qal il-Ministru Grima.

Dr Lydia Abela u l-Ministru Clifton Grima, fil-preżenza tal-Kap tal-Iskola Robert Magro, l-amministrazzjoni u wkoll staff edukattiv u studenti, kixfu plakka kommemorattiva li tfakkar l-okkażjoni tal-10 anniversarju mill-ftuħ tal-iskola.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com