Nhar Il-Ħadd Li Ġej Indawru L-Arloġġ B’Siegħa ‘L Quddiem – Għaliex Jeżistu Żewġ Tipi Ta’ Ħinijiet?
Nhar il-Ħadd li ġej, 27 ta’ Marzu 2022, fis-2am, se ndawru l-arloġġi b’siegħa ‘l quddiem għall-ħin tas-sajf.
Għaliex jeżistu żewġ tipi ta’ ħinijiet? Tas-Sajf u tax-Xitwa?
Matul iż-żminijiet, il-bniedem ħass l-esiġenza li minħabba l-bidla fl-ammont ta’ sigħat imdawlin matul il-ġranet fl-istaġuni differenti, isir l-aqwa użu mid-dawl tal-ġurnata, l-aktar minħabba raġunijiet ta’ xogħol u kummerċ.
Fil-fatt din il-bidla fil-ħin fil-pajjiżi Ewropej, daħlet fis-seħħ l-ewwel darba fl-Ewwel Gwerra Dinjija (c. 1919), iżda ma baqgħetx fis-seħħ għal ħafna żmien, sakemm minħabba raġunijiet ta’ kummerċ, il-pajjiżi riedu jimxu ma’ direttiva sabiex jibdlu l-ħin sa mill-1981. Madankollu, tliet pajjiżi Ewropej, il-Belarus, it-Turkija u l-Iżlanda ma jibdlux il-ħin tagħhom bejn tax-xitwa u tas-sajf, iżda jżommu l-istess ħin matul is-sena kollha.
B’din il-bidla fil-ħin li ser isseħħ nhar il-Ħadd mal-lejl, il-ġurnata ser tidher itwal, minħabba l-fatt li x-xemx tinżel aktar tard (jisbaħ iktar tard ukoll)! Fil-lejl ta’ bejn is-Sibt 26/3 u l-Ħadd 27/3, se jkollna wkoll siegħa inqas ta’ rqad!
Il-ħin tas-sajf ser jintemm nhar il-Ħadd 30 t’Ottubru, 2022 meta l-arloġġi jerġgħu jmorru b’siegħa lura u hekk jibda l-ħin tax-xitwa.
Liema ħin tippreferu? Tas-Sajf jew tax-Xitwa?