Persuni Li Għadhom Ma Rċevewx Id-Dokument Tal-Vot Id-Dar Jistgħu Jiġbruh Mill-Għassa Minn Nhar L-Erbgħa
Il-Kummissjoni Elettorali qed tavża li dawk il-persuni li isimhom jidher fir-Reġistru Elettorali ppubblikat fil-25 ta’ Frar 2022, u ma rċevewx id-dokument tal-votazzjoni tagħhom d-dar, jistgħu jmorru personalment fl-għassa tal-pulizija tal-lokal biex jiġbru d-dokument għall-votazzjoni tagħhom.
Dawn huma l-ġranet u ħinijiet:
Minn nhar l-Erbgħa 16 ta’ Marzu sal-Ġimgħa 18 ta’ Marzu bejn it-8am u s-1pm u bejn it-3pm u d-9pm; is-Sibt 19 ta’ Marzu bejn it-8am u l-10pm; u l-Ħadd 20 ta’ Marzu bejn it-8am u s-12pm.
Fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar id-dokumenti jinġabru mill-għassa tal-Qawra, u f’Marsaskala d-dokumenti jinġabru mill-Iskola Primarja tal-Gvern, San Ġwakkin.
Fil-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard, Il-Birgu, Il-Fontana, Ħal Għargħur, L-Għasri, L-Iklin, Il-Kalkara, Ħal Kirkop, Ħal Lija, Il-Mellieħa, Pembroke, Ta’ Xbiex u x-Xgħajra, id-dokumenti jinġabru mill-uffiċċju tal-kunsill lokali fl-istess ġranet u ħinijiet.
Kull persuna trid turi l-karta tal-identità. L-ebda dokument ieħor ma jista’ jkun aċċettat.
Kull votant għandu jkun żgur li jkollu d-dokument għall-votazzjoni għax mingħajru ħadd ma jkun jista’ jivvota.