“Proposti Tal-PN Li Jieħdu L-Pajjiż Lura Fil-Passat” – Il-Partit Laburista
“Dak ippubblikat fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed jitfa’ f’periklu imminenti madwar 10,000 familja li huma fil-kirjiet l-antiki, wara li Gvern Laburista ta s-soljev lil dawn il-familji bir-riforma storika tal-2021, li ġabet bidliet leġiżlattivi meħtieġa biex jinstab bilanċ u jagħti s-serħan il-moħħ lill-inkwilini”.
Dan qalu l-Ministru Roderick Galdes waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Laburista dwar miżura 22, fil-verżjoni sħiħa kitbuha bħala proposta 70, tal-mainfest elettorali tal-Partit Nazzjonalista. Il-Ministru Galdes qal li b’dak li qed jipproponi, l-Partit Nazzjonalista jrid iħott din l-għajnuna u minflok jitfa’ bomba tal-ħin fuq l-irjus ta’ eluf ta’ familji.
Fl-istqarrija mill-Partit Laburista ntqal li l-Partit Nazzjonalista m’għandu l-ebda kredibiltà fuq dan is-suġġett wara li Gvern Nazzjonalista fl-2009 u fl-2010 vara riforma nofs leħja li ma solviet xejn la għall-inkwilini, u wisq anqas għas-sidien. Il-Partit Nazzjonalista lanqas ma kellu pożizzjoni fuq ir-riforma tal-kera, baqa’ biss jallarma in-nies li se jispiċċaw barra t-triq u qagħad gallarija għall-maġġorparti tal-proċess. Issa qed jipproponi li jitfa’ lill-pajjiż lura fil-passat.
Qalet ukoll li kien Gvern Laburista li ħadem biex jinstab bilanċ li jipproteġi d-dritt għad-dar, u d-dritt għat-tgawdija tal-proprjetà, billi fl-1 ta’ Ġunju tal-2021 idaħħlet fis-seħħ riforma storika li għaddiet b’vot unanimu fil-Parlament bl-Oppożizzjoni mmexxija minn Bernard Grech tivvota favur din ir-riforma fl-intier tagħha. Issa Bernard Grech irid jibdel din ir-riforma u jipperikola madwar 10,000 familja.
“Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, huwa l-wiċċ tal-passat tal-Partit Nazzjonalista. Dan qed joħroġ ċar anke mill-policies li qed iressaq li se jitfa’ lill-pajjiż lura mhux ‘il quddiem. Dan huwa l-ewwel eżempju minn sensiela li juru li ma’ Bernard Grech in-nies se jmorru lura”, qal is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi waqt il-konferenza tal-aħbarijiet.
Huwa qal li meta tara dan, joħroġ ċar ħafna kif fuq naħa għandek gvern li ssibu miegħek, u fuq naħa għandek Oppożizzjoni li tpoġġilek ħajtek fl-inċertezza. Dak li jiġrilu min ma jkunx preparat biex jiggverna. Il-Partit Nazzjonalista qal li ħareġ manifest, s’issa filfatt ħareġ 4 verżjonijiet tal-manifest u nistennew li jerġgħu jemendawh biex jipprovaw jirranġaw din il-miżura wkoll.
Id-deċiżjoni tan-nies hija ċara kristall issa. Tivvota lil Bernard Grech tkun qed tipperikola dak li ksibt u jitfgħek lura. Jekk Bernard Grech jingħata l-fiduċja, t-taqbida interna fil-Partit Nazzjonalista ssir problema tal-pajjiż. Inkunu qed nirriskjaw l-istabbiltà politika li tant hi importanti u li kiseb pajjiżna fl-aħħar snin. Il-problemi tal-Partit Nazzjonalista m’għandhomx isiru problema ta’ pajjiż. Hekk temmet tgħid l-istqarrija mill-Partit Laburista.