Raġel Iweġġa’ Serjament Wara Li Tilef Il-Kontroll Tal-Karozza Fil-Bypass Tal-Imrieħel
Raġel ta’ 43 sena minn San Ġiljan sofra ġrieħi serji wara li tilef il-kontroll tal-karozza u ħabat ġo siġra.
L-aċċident seħħ illum, għall-ħabta tal-11:15am, fil-bypass tal-Imrieħel.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li l-vittma, tilef il-kontroll tal-vettura li kien qiegħed isuq, tat-tip Mitsubishi, u b’konsegwenza t’hekk seħħ impatt ma’ siġra. Kawża tad-daqqa l-karozza nqasmet fi tnejn.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanza ħadet lix-xufier l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Noel Bartolo ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.