Raġel Jinstab Ħati Li Hedded, Attakka U Weġġa’ Tliet Pulizija F’Għawdex
Ilbieraħ, fil-qorti t’Għawdex, raġel ta’ 28 sena miż-Żebbuġ kien ikkundannat 12-il xahar ħabs sospiżi għal sena flimkien ma’ multa ta’ €4,000.
Ir-raġel deher quddiem il-Maġistrat Dr Bridgitte Sultana fejn ġie akkużat li nhar il-Ħadd li għadda, 27 ta’ Marzu, għall-ħabta tal-9:45pm, waqt li kien fi Pjazza Indipendenza, ir-Rabat, Għawdex, hedded, irreżista l-arrest, attakka u weġġa’ ħafif Surġent u żewġ Kuntistabbli tal-Pulizija.
Ir-raġel ġie akkużat ukoll li kien fil-pussess tad-droga kokaina, kif ukoll li kiser il-paċi pubblika.
L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci.