Raġel Se Jitressaq Il-Qorti B’Rabta Ma’ Omiċidju F’Għawdex
Nhar is-Sibt 26 ta’ Frar 2022, għall-ħabta ta’ nofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata minn tim mediku tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa residenza fi Triq Dun Franġisk Mizzi, Għajnsielem, Għawdex.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post, fejn f’waħda mill-kmamar instabet mara ta’ 49 sena mill-Iklin, li kienet iċċertifikata mejta.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Bridgette Sultana li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
Wara li lbieraħ waranofsinhar ġie kkonfermat ir-riżultat tal-awtopsja li sar fuq il-katavru, il-Pulizija bdiet titratta l-każ bħala wieħed ta’ omiċidju.
Investigazzjonijiet konġunti mill-Pulizija tal-Iskwadra tal-Omiċidji flimkien ma’ dawk tad-Distrett waslu immedjatament għall-arrest ta’ raġel ta’ nazzjonalità barranija li se jitressaq il-Qorti ta’ Għawdex taħt arrest, illum fis-siegħa u nofs ta’ waranofsinhar quddiem il-Maġistrat Dr Bridgette Sultana, akkużat bil-qtil tal-mara.