Raġel Ta’ 25 Sena Ġie Arrestat B’Rabta Ma’ Żewġ Serqiet U Aggressjoni Fuq Persuna Oħra
Investigazzjonijiet mill-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali flimkien mal-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta u tal-Ħamrun, wasslu biex jiġi arrestat raġel ta’ 25 sena li joqgħod Tal-Pietà b’rabta ma’ żewġ serqiet u aggressjoni fuq persuna oħra.
L-ewwel każ seħħ is-Sibt li għadda, 26 ta’ Marzu, għall-ħabta tal-10pm, meta raġel ta’ 53 sena sofra ġrieħi gravi wara li ġie aggredit u misruq waqt li kien mixi fil-Furjana.
Waqt li l-Pulizija kienu qegħdin jinvestigaw dan il-każ, ilbieraħ, għall-ħabta tat-3:30pm, mara ta’ 63 sena residenti Tal-Pietà, daħlet l-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun tirrapporta li ftit tal-ħin qabel ġiet aggredita minn raġel li wadbilha flixkun tal-ħġieġ imkisser lejha u laqatha. L-aggressur ħarab minn fuq il-post u l-mara marret iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana għall-kura fejn ġiet iċċertifikata bi ġrieħi gravi.
Madwar nofsiegħa wara, raġel ta’ 59 sena daħal l-Għassa tal-Belt jirrapporta li kien għadu kemm ġie aggredit u misruq waqt li kien fl-akwati tal-Blata l-Bajda. L-allegat aggressur seraq affarijiet personali u ħarab minn fuq il-post.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-aggressur kien l-istess fit-tliet każijiet, u wara li ġew analizzati filmati minn kameras tas-sigurtà, huwa ġie identifikat bħala l-aggressur u arrestat ilbieraħ filgħaxija fil-Ħamrun.
Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana għal aktar stħarriġ.