Raġel Ta’ 56 Sena Jmut Wara Li Ċeda Bih Raff F’Ħal Luqa

Raġel ta’ 56 sena minn Tas-Sliema tilef ħajtu traġikament wara li ċeda bih raff.
L-aċċident seħħ aktar kmieni llum, għall-ħabta tal-10:30am, ġewwa stabbiliment fi Triq Ħal Qormi, Ħal Luqa.
Il-Pulizija tad-Distrett marret fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li l-vittma, sofra xi ġrieħi meta waqa` minn għoli ta’ madwar disa’ metri minħabba li ċeda bih raff.
Il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku u mill-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Ambulanza ħaditu l-Isptar Mater Dei iżda sfortunatament ġie ċċertifikat mejjet.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Leonard Caruana li fetaħ inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.