Raġel Ta’ 66 Sena Jitlef Ħajtu Wara Ħabta Bejn Karozza U Serkin Fir-Rabat

Raġel ta’ 66 sena mir-Rabat tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku wara ħabta bejn karozza u serkin.
L-aċċident seħħ dalgħodu, għall-ħabta tad-9am, fi Triq Ħad-Dingli, ir-Rabat.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li kien hemm impatt bejn karozza Skoda Yeti misjuqa minn mara ta’ 49 sena residenti r-Rabat u serkin li fuqu kien hemm żewġt irġiel, wieħed ta’ 66 u ieħor ta’ 64 sena, it-tnejn mir-Rabat.
Tim mediku assista liż-żewġt irġiel fuq il-post u ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Ftit tal-ħin wara ir-raġel ta’ 66 sena sfortunatament kien iċċertifikat mejjet. Il-ġrieħi tar-raġel l-ieħor għadhom pendenti.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Elaine Mercieca ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.