Riħ Qawwi Jkisser Il-Mitħna Tax-Xarolla fiż-Żurrieq
Sfortunatament ir-riħ qawwi ferm li ħakem lill-pajjiżna matul il-lejl li għadda għamel ħsara konsiderevoli fuq il-Mitħna tax-Xarolla. Din il-mitħna hi prominenti fir‑raħal taż‑Żurrieq.
Inbniet fl‑1724 u hi waħda mit‑tmien imtieħen tal‑Fondazione Manoel li nbnew mill‑Gran Mastru de Vilhena fuq art li kienet proprjetà tal‑Ordni ta’ San Ġwann. Il‑Mitħna tax‑Xarolla ħadet isimha mis‑sit fejn inbniet.
Fl‑1946 kien meqjus li l‑mekkaniżmu tal‑mitħna kien għadu fi stat tajjeb. Madankollu, il‑mitħna ġiet abbandunata wara li l‑antenni nqerdu waqt maltempata vjolenti . Iżjed tard, il‑mitħna ġiet restawrata għal kollox.
F’messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela qal li l-gvern se jkun qed jagħti kull appoġġ lill-Kunsill Lokali biex isirulha t-tiswijiet meħtieġa.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni wkoll f’messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu qal li meta kwalunkwe wirt nazzjonali jsofri xi ħsarat huwa dejjem ta’ diżappunt. “Nikkommetti ruħi li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti l-appoġġ kollu meħtieġ lill-Kunsill Lokali biex tissewwa minnufih,” tenna Dr Bernard Grech.
Intant, ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili marru fuq il-post biex ineħħu l-perikli li jista’ jkun hemm.