Robert Abela Jwiegħed Li Jintroduċi D-Dritt Ta’ Kont Bankarju Mingħajr Dewmien Lin-Negozji U Self-Employed

 Robert Abela Jwiegħed Li Jintroduċi D-Dritt Ta’ Kont Bankarju Mingħajr Dewmien Lin-Negozji U Self-Employed

“Għas-snin li ġejjin dan il-gvern jibqa’ l-garanzija ta’ ekonomija b’saħħitha u gvern illi jieħu ħsieb in-negozji biex ikomplu jkattru l-ġid. Ekonomija li hi l-bażi biex nimplimentaw l-inizjattivi li għandna għall-familji Maltin u Għawdxin u li qed nibqgħu nħabbru minn jum għal jum. Fl-aħħar snin, minkejja l-isfida ta’ pandemija, l-investiment żdied u għas-snin li ġejjin se jibqa’ jiżdied u sa din il-ġimgħa stess se nibqa’ ninawgura investiment ġdid.”

Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-kampanja elettorali bit-tema Malta Flimkien li matulha ħabbar proposti ġodda biex tkompli l-għajnuna u s-sostenn għan-negozji.

“Il-banek huma parti mis-sinsla tal-ekonomija tagħna u għandhom ikunu mezz li jiffaċilitaw in-negozju u mhux ixekkluh. Bi djalogu rridu naraw li l-banek ikunu msieħba għat-tkabbir tal-kumpaniji. B’hekk se nkunu qed nilleġiżlaw sabiex kull negozju u self-employed ikollu dritt għal kont tal-bank bażiku u mingħajr dewmien. Din se tkun estensjoni tad-dritt li daħħalna għall-individwi li jkollhom kont bankarju bażiku u b’konformità mar-regoli Ewropej ta’ superviżjoni finanzjarja. Biex nagħmlu dan se nużaw mudell li ntuża minn pajjiżi oħra. Pajjiżi li ntroduċew regoli lill-banek immirati biex jiżguraw li jkun hemm aċċess għal servizzi bankarji bażiċi għal ċertu setturi.”

Din hija waħda mill-ħames miżuri li l-Prim Ministru ħabbar illum, miżuri li huma mmirati lejn in-negozji. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dawn il-miżuri tħabbru f’mument fejn pajjiżna kellu konferma li laħaq livelli ekonomiċi ta’ qabel il-pandemija u f’mument fejn qed joħroġ biċ-ċar kemm ir-riformi li Gvern Laburista wettaq qed iħallu l-frott. Dan il-pakkett ta’ miżuri jikkumplimentaw miżuri oħrajn illi tħabbru u huma tkomplija ta’ pjan ta’ rkupru li beda bis-saħħa fl-aħħar xhur.

Il-Prim Ministru fakkar li fl-aħħar sentejn pajjiżna ra sfidi bla preċedent iżda qal li Gvern Laburista ma qatax qalbu u ppreżenta erba’ baġits f’sena waħda għax hekk kien hemm bżonn biex ngħinu lin-negozji u dan jissarraf f’ekwivalenti ta’ biljun u nofs ewro f’appoġġ dirett. Indirettament Gvern Laburista ta żewġ biljuni u nofs f’assistenza fejn ra tkabbir ekonomiku rekord wieħed wara l-ieħor.

“Konvint li l-prospetti ta’ pajjiżna huma sbieħ ħafna. Konvint li quddiemna għandna futur sabiħ. Malta Flimkien. Il-futur għan-negozji huwa sabiħ ukoll,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com