“Sabiex Nimxu ‘L Quddiem, Jeħtieġ Li Jiġu Indirizzati Kemm L-Isfidi Kif Ukoll Il-Viżjoni Għall-Industrija” – Reuben Buttigieg President Tal-ACE

 “Sabiex Nimxu ‘L Quddiem, Jeħtieġ Li Jiġu Indirizzati Kemm L-Isfidi Kif Ukoll Il-Viżjoni Għall-Industrija” – Reuben Buttigieg President Tal-ACE

Matul din il-ġimgħa ġie organizzat seminar mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE), bl-isem ‘A way forward for the catering industry’. Waqt li kien qed jindirizza l-istess seminar, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Ħarsien tal-Konsumatur, Clayton Bartolo, ħabbar li ser jiġi mniedi proġett biex tiġi żviluppata u introdotta sistema ta’ skill cards, bil-għan li jinżamm il-livell meħtieġ biex tiġi żgurata l-kwalità fl-industrija tal-ospitalità.

Dan il-proġett se jitwettaq mill-Gvern flimkien mal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA). L-idea hi li dawn l-iskill cards jiġu introdotti gradwalment biex ma jinħolqux piżijiet bla bżonn fuq l-industrija tal-ospitalità. Waqt l-intervent tiegħu, il-Ministru Bartolo rrefera wkoll għall-pandemija u r-riperkussjonijiet negattivi tagħha, filwaqt li semma’ l-gwerra fl-Ukrajna, li qal qed toħloq aktar inċertezza.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Clayton Bartolo ċaħad kategorikament li s-suppliment tal-pagi jew kwalunkwe għajnuna oħra mogħtija lin-negozji waqt il-pandemija se jkollhom jiġu rimborżati. Il-Ministru għat-Turiżmu għalaq id-diskors tiegħu billi qal li filwaqt li l-Gvern irnexxielu jsib bilanċ waqt il-pandemija, madankollu, issa huwa ż-żmien li l-pajjiż jimxi ’l quddiem, iħalli l-pandemija warajh u jiżgura li terġa’ tiġi lura n-normalità.

Fid-diskors tiegħu, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u kelliem għat-Turiżmu, Robert Arrigo qal li r-ristoranti u l-istabbilimenti tal-catering kellhom sentejn diffiċli ħafna, perjodu fejn in-negozji ffaċċjaw ħafna spejjeż. Is-Sur Arrigo semma’ l-problema tal-waiting staff li ma jitkellmux bl-Ingliż u tenna l-importanza li jkun hemm staff fis-settur turistiku li jkollu ċertu għarfien dwar il-gżejjer.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni wissa dwar it-theddida kontinwa tal-COVID-19, liema każijiet għal darb’oħra qed jiżdiedu. Is-Sur Arrigo saħaq ukoll fuq il-bżonn li tinstab soluzzjoni għall-problema tan-nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur turistiku.

Il-kelliem mistieden, l-ekonomista Steve Ellul stqarr li l-industrija tal-catering kienet potenzjalment waħda mill-aktar milquta mill-pandemija. Qal li ninsabu f’punt fejn bil-mod iżda b’mod kostanti mexjin lejn l-irkupru ekonomiku. Qal ukoll li din is-sena qed nistennew tkabbir ekonomiku ta’ 6%, li huwa l-ogħla fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea.

Filwaqt li rrikonoxxa li l-Covid Wage Supplement kien essenzjali għas-sopravivenza tal-industrija, Dr Ellul qal li ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet tal-enerġija hija daqstant essenzjali wkoll. Qal ukoll li l-kwistjoni tal-impjiegi hija sfida oħra li trid tiġi indirizzata. Dwar il-kwistjoni tal-banek, semma’ li l-Prim Ministru kien ċar kristall fid-diskors tiegħu meta ppropona leġiżlazzjoni li tiżgura li kull negozju u self-employed ikun intitolat għal kont bankarju bażiku mingħajr dewmien.

Dr Ellul tenna li meta nsemmu l-kwalità, m’għandniex sempliċement inkunu qed nirreferu għal ristoranti ta’ ċertu klassi, iżda kwalità għandha tfisser verament ‘value for money’ fejn ikun żgurat li għal prezz li l-klijent ikun qed iħallas, jiġi pprovdut l-ogħla livell ta’ kwalità tal-prodott u s-servizz.

Il-President tal-ACE is-Sur Reuben Buttigieg sostna li ħafna industriji rnexxielhom jegħlbu diffikultajiet serji matul dawn l-aħħar ftit snin u rnexxielhom ikomplu bl-operat tagħhom. Dan, iżda, kien qed jiġri fil-kuntest ta’ żieda qawwija fil-prezzijiet tal-materja prima, qal is-Sur Buttigieg.

Il-President tal-ACE tkellem ukoll dwar il-fatt li, sfortunatament, sa ċertu punt qed nitilfu parti mill-identità kulturali u nazzjonali tagħna fi ħdan is-settur turistiku, għaliex illum il-ġurnata l-istaff tal-catering ħafna drabi jkun magħmul l-aktar minn barranin. Semma’ wkoll il-problema tal-cash flow, li minkejja t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fi ħdan is-settur turistiku, għadha tinħass ħafna sal-lum.

Fir-rimarki tiegħu ta’ konklużjoni, is-Sur Buttigieg stqarr li biex nimxu ‘l quddiem iridu jiġu indirizzati l-isfidi flimkien mal-viżjoni li rridu nimplimentaw f’dan is-settur.

Is-seminar kien indirizzat ukoll mis-Segretarju tal-ACE Matthew Pace u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com