Sal-Bieraħ Kien Fadal 21,500 Vot Li Ma Nġabarx Mill-Għasses – Mil-Lum Tista’ Tiġbru Mill-Kumpless Tal-Għadd Tal-Voti N-Naxxar
Hekk kif ilbieraħ kienet l-aħħar ġurnata li wieħed seta’ jiġbor il-vot mill-għasses tal-Pulizija, kien hemm madwar 21,500 vot li kienu għadhom ma nġabrux.
Mil-lum il-Kummissjoni Elettorali tavża lil dawk il-persuni li għadhom ma ġabrux id-dokument għall-votazzjoni tagħhom illi jistgħu jiġbruh personalment mill-Uffiċċju Elettorali, Kumpless tal-Għadd tal-Voti, in-Naxxar, jew, għall-votanti reġistrati f’Għawdex, mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, 28A Pjazza San Franġisk, ir-Rabat Għawdex.
Il-ġranet u l-ħinijiet li fihom wieħed jista’ jiġbor id-dokument għall-votazzjoni huma kif ġej:
- It-Tnejn 21, it-Tlieta 22 u l-Erbgħa 23 ta’ Marzu, mit-8am sas-1pm u mit-3pm sad-9pm.
- Il-Ħamis, 24 ta’ Marzu, mit-8am sas-1pm u mit-3pm sa nofsillejl.
Importanti li biex tiġbor il-vot trid tiġi ppreżentata l-karta tal-identità personalment u l-ebda dokument ieħor ma jista’ jkun aċċettat għal dan l-iskop.
Mingħajr id-dokument għall-votazzjoni ħadd ma jkun jista’ jivvota nhar jum il-votazzjoni.