Sant Jappella Lill-KE Biex Tagħti Aktar Setgħa Lill-Awtoritajiet Nazzjonali Tal-Kompetizzjoni Biex Jinvestigaw Kummerċ Ma’ Negozji Barranin
Fl-intervent tiegħu waqt skambju ta’ fehmiet dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sussidji barranin li joħolqu distorsjoni tas-suq intern Ewropew, Alfred Sant appella għal aktar ċarezza dwar kif il-Kummissjoni Ewropea se twettaq investigazzjonijiet dwar kummerċ ma’ negozji li jkunu twettqu ma’ msieħba barranin. Huwa rrakkomanda li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandu jkollhom kompetenza esklussiva biex jinvestigaw każijiet li jaqgħu taħt il-limitu stabbilit f’dan ir-Regolament sabiex il-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ tiffoka fuq każijiet aktar importanti filwaqt li jkun jista’ jsir skrutinju aktar rigoruż ta’ każijiet iżgħar. Sant huwa r-relatur (rapporteur) tas-S&D dwar l-opinjoni li l-ECON qed tħejji dwar ir-Regolament.
L-għan primarju tar-Regolament huwa li jindirizza l-effett ta’ distorsjoni li s-sussidji barranin jista’ jkollhom fuq kif jaħdem is-suq intern. Din tipproponi l-introduzzjoni ta’ tliet “għodod”: Wieħed minnhom se jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni Ewropea biex tinvestiga fużjonijiet jew akkwisti ta’ sehem ta’ kontroll. It-tieni se jintuża għall-investigazzjoni ta’ offerti ta’ akkwist f’offerti pubbliċi; u għodda investigattiva ex-officio li tkopri investimenti oħra barra miż-żewġ kategoriji ewlenin.
Waqt li kien qed jindirizza lill-Parlament Ewropew il-Kap tad-delegazzjoni Laburista tas-S&D tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) Sant qabel mal-Kummissjoni Ewropea li l-flessibbiltà hija mportanti iżda rrimarka li għandu jiġi żgurat li s-suq Ewropew jiffunzjona b’mod stabbli u trasparenti. Dan jevita li jagħti l-impressjoni li l-kontinent Ewropew qed isir post mhux attraenti għal investiment barrani leġittimu. F’dan ir-rigward, Sant talab aktar kjarifiki dwar l-hekk imsejjaħ “strument ta’ bilanċ”. L-istrument ta’ bilanċ jippermetti lill-Kummissjoni Ewropea tqis l-effetti negattivi u pożittivi tas-sussidji qabel ma timponi kwalunkwe miżura ta’ rimedju. Dawn il-miżuri huma maħsuba biex jirrimedjaw b’mod sħiħ u effettiv għad-distorsjoni kkawżata mis-sussidju barrani fis-suq intern. L-eks Prim Ministru Malti staqsa fuq liema bażi se taħdem u jekk hux se jitħalla fuq bażi ad hoc għall-proċess burokratiku biex jiġi solvut.
Sant enfasizza li l-istrumenti u l-atti proposti mill-Kummissjoni Ewropea m’għandhomx biss jirriflettu l-politiki Ewropej iżda għandhom iqisu l-istampa usa’ inkluż il-kummerċ u l-investiment internazzjonali. Il-MPE Laburista qal li r-Regolament jeħtieġ li jkollu limiti ċari u distinti li jiddefinixxu meta l-Kummissjoni Ewropea se tintervjeni jew le, partikolarment għall-għodda investigattiva ex-officio. Sant enfasizza li biex jiġu evitati deċiżjonijiet arbitrarji, il-format tal-għodda trid tinbidel radikalment, jew sempliċiment titneħħa.
Bħala konklużjoni, Sant esprima riżervi dwar il-metodu użat biex jiġu miġġielda s-sussidji barranin minħabba li r-riperkussjonijiet potenzjali tiegħu mhumiex qed jingħataw biżżejjed konsiderazzjoni.