Sant Jipproponi R-Reġistrazzjoni Tas-Sidien Benefiċjarji Mhux Ewropej Fir-Reġistri Tal-UE Biex Jiġi Miġġieled Il-Ħasil Tal-Flus

 Sant Jipproponi R-Reġistrazzjoni Tas-Sidien Benefiċjarji Mhux Ewropej Fir-Reġistri Tal-UE Biex Jiġi Miġġieled Il-Ħasil Tal-Flus

Fl-intervent tiegħu għal dibattitu plenarju tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus f’pajjiżi terzi wara l-affari tas-‘Suisse Secrets’, il-MPE Laburista Alfred Sant ippropona li waħda mis-soluzzjonijiet biex jiġi miġġieled il-ħasil tal-flus għandha tkun ir-reġistrazzjoni ta’ sidien benefiċjarji mhux Ewropej f’reġistri tal-Unjoni Ewropea. Huwa qal li dawn ir-reġistri se jimplimentaw regoli armonizzati fuq livell Ewropew biex tiġi ppreżentata l-informazzjoni f’ħin reali.

L-Isvizzera bdiet tiġi osservata wara li rivelazzjoni massiva minn informatur anonimu żvelat li t-tieni l-akbar bank fil-pajjiż u wieħed mill-akbar banek privati ​​fid-dinja, il-Credit Suisse, ipprovda servizz lil individwi ta’ ‘riskju għoli’ li jinkludu dawk li jaħslu l-flus, kriminali tal-gwerra, awtokratiċi, u negozjanti tad-droga.

L-eks Prim Ministru Sant saħaq li għad hemm dgħufijiet fil-qafas tal-Unjoni Ewropea kontra l-ħasil tal-flus. Huwa żied jgħid li filwaqt li l-iskandli diġà sfurzaw ħafna bidliet għall-aħjar, id-dipendenza żejda fuqhom biex jiġu stimulati r-riformi tippolitiċizza inizjattivi bla bżonn kontra l-ħasil tal-flus.

Huwa stqarr li t-theddid li jġibu magħhom pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk b’rabtiet mill-qrib mal-Unjoni Ewropea bħall-Isvizzera, jipperikolaw l-integrità ġenerali tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni Ewropea. Sant innota li hekk kif il-prattiki ta’ kontra l-ħasil tal-flus qed isiru dejjem aktar ħarxa fl-Ewropa, il-partijiet interessati qed ifittxu li jaħarbu mis-sistema billi jużaw mezzi ta’ pajjiżi terzi.

Bħal dak li ġara mat-Tuneżija, l-Isvizzera tista’ titqiegħed fuq il-lista sewda ta’ “pajjiżi f’riskju” għall-ħasil tal-flus u dan jista’ jwassal għal bidliet fil-mekkaniżmi tal-pajjiż kontra l-ħasil tal-flus u jwassal għal riformi aktar profondi. Madanakollu, Sant wissa li deċiżjonijiet ta’ blacklisting bħal dawn iħallu implikazzjonijiet politiċi kbar.

Bħala konklużjoni, Sant irrikonoxxa li filwaqt li blacklisting biex jiġi miġġieled il-ħasil tal-flus għandu l-vantaġġi tiegħu, soluzzjonijiet tassew effettivi għall-ħasil tal-flus għandhom ikunu ta’ natura aktar proattiva u oġġettiva.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com