Sejħa Urġenti Għad-Demm Tat-Tip O Positive
Il-kura intensiva, inkluż bit-trasfużjonijiet tad-demm għall-morda bil-kanċer, l-operazzjonijiet maġġuri li qed isiru, u l-aċċidenti gravi bla waqfien li tista’ tgħid seħħew kuljum ħallew impatt fuq ir-riserva tad-demm, tant li r-riserva tad-demm tat-tip O Positive bil-Bank tad-Demm tal-Isptar Mater Dei niżlet għal livell kritiku.
Għaldaqstant is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed jappella għal għajnuna immedjata, biex isiru donazzjonijiet tad-demm mill-pubbliku.
F’dan il-mument ta’ bżonn, il-qraba u l-ħbieb ta’ dawk il-pazjenti li ser jiġu operati jew qed jistennew trasfużjoni tad-demm huma mitluba biex, jekk is-saħħa tippermetti, jagħmlu l-ewwel pass u jersqu biex jagħtu d-demm.
Appell ieħor hu sejħa għal sewqan responsabbli, għax finalment id-demm tant prezzjuż aħjar jiġi mogħti lill-Bank tad-Demm milli jiġi mxerred fit-triq!
L-għoti tad-demm għandu jsir ILLUM fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa, li bħal dejjem jiftaħ 7 ijiem fil-ġimgħa mit-8am sas-6pm.
Il-karta tal-identità hi meħtieġa!
Iktar informazzjoni dwar l-għoti tad-demm tista’ tinkiseb minn www.blood.gov.mt
Wieħed jista’ wkoll iċempel 79307307 jew Freephone 80074313
Grazzi bil-quddiem f’isem il-pazjenti li ser jiġu bżonn id-demm.