Sejħa Urġenti Għad-Demm Tat-Tip O Positive U A Positive
L-attenzjoni tal-pubbliku fuq l-elezzjoni ġenerali ħalliet effett negattiv fuq l-għadd ta’ persuni li resqu biex jagħtu d-demm, tant li fl-aħħar ġimgħa saru ferm inqas donazzjonijiet tad-demm milli normalment isiru (madwar 350 donazzjoni) bil-konsegwenza li r-riserva tad-demm tat-tip O positive u A positive niżlet għal-levell kritiku. Issa li qed nerġgħu niġu lura lejn in-normalità, tajjeb li wieħed idawwar ħarstu lejn dan il-bżonn indispensabbli għal ħafna morda fl-isptarijiet tagħna.
F’dan il-mument sensittiv, Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed jerġa’ jappella għal għajnuna immedjata, kemm mil-midja biex jasal dan il-messaġġ, kif ukoll mill-pubbliku, biex b’mod URĠENTI l-pubbliku jagħti d-demm b’ġest ta’ solidarjetà nazzjonali, u l-operazzjonijiet skedati jkunu jistgħu jsiru kif ippjanat.
L-għoti tad-demm għandu jsir ILLUM jew GĦADA (Festa Nazzjonali) fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa li bħal dejjem ser ikun miftuħ mit-8:00am sas-6:00pm.
Il-karta tal-identità hi meħtieġa!
Iktar informazzjoni dwar l-għoti tad-demm tista’ tinkiseb minn www.blood.gov.mt Wieħed jista’ wkoll iċempel 79307307 jew Freephone 80074313