“Suċċess Flimkien Favur Pajjiżna” – It-Tabib Michael Farrugia

 “Suċċess Flimkien Favur Pajjiżna” – It-Tabib Michael Farrugia

It-Tabib Michael Farrugia tkellem magħna dwar il-viżjoni tiegħu għal pajjiżna kif ukoll kif il-Partit Laburista bi ħsiebu jkompli jsaħħaħ il-pedamenti ta’ dak li diġà sar b’suċċess akbar.

“Kont nara b’mod regolari lil missieri jsegwi l-politika. Interessanti imma hu li f’ħajtu, l-uniku darba li attenda xi meeting, kienet darba fl-1981. Kien persuna li jevalwa l-politika, konna nitkellmu ħafna meta kont żgħir. L-ewwel darba li ersaqt lejn partit politiku, kont għadni ta’ 17-il sena meta waqqafna ż-żgħażagħ tal-Ħamrun u ftit snin wara kont membru tal-kumitat lokali. Fit-tieni sena tal-kors universitraju tal-mediċina, kien beda l-istrajk tat-tobba. Kont vociferu ħafna biex l-istudenti li ddeċidew li jibqgħu Malta, l-iskola medika tibqa’ miftuħa għalihom.”

Ritratt: It-Tabib Michael Farrugia tarbija, mal-ġenituri tiegħu.

“Minn erba’ studenti konna spiċċajna 30 student li bqajna Malta. Kelli esperjenza daqsxejn kerha dak iż-żmien. Specjalment wara l-qtil ta’ Karen Grech fit-28 ta’ Diċembru tal-1977 li nzertat ukoll il-ġurnata t’għeluq snini fejn kont ġejt infurmat mill-pulizija li minħabba li kont voċiferu, ma niftaħx ittri. Għal diversi snin, l-ittri tiegħi riedu jkunu skenjati mill- armata qabel jaslu għandi.”

“Meta ggradwajt, bdejt naħdem bħala tabib tal-familja u bdejt nara iktar ir- realtà tal-ħajja fid-djar, il-problemi varji tal-familji, u ġietni l-ħeġġa li jekk irrid nara bidla fil-ħajja tan-nies, irrid noħroġ għall-politika. Dan anke bħala viżjoni tal-pajjiż li ta’ min wieħed jgħid li minkejja li sar ħafna progress, kien wieħed konservattiv. Ridt ngħin fil-bidla. Biex tibdel trid tagħmel pressjoni minn barra jew inkella tidħol f dak il-partit b’ mod iżjed impenjattiv li kapaċi jġib il-bidla għax huwa partit progressiv u li għandu twemmin ħafna viċin tiegħi.”

Wara diversi pressjonijiet li saruli, iddeċidejt li naħdem iktar minn ġewwa u aċċetajt li nkun kandidat fi ħdan il-Partit Laburista.

“Illum inħares lura u nħossni kuntent li fejn kont, dejjem għent lil kulħadd. Kont Ministru tas-Saħħa, Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi , Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali, Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma u bħalissa Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva. Inħares ‘il quddiem biex inkomplu ngħin u nagħmel il-ġid.”