Tliet Żgħażagħ Mixlija B’Serqa Ta’ €150,000 Jinżammu Arrestati
Illum tliet irġiel tressqu l-Qorti akkużati li wettqu serqa minn appartament. Huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi u nżammu taħt arrest preventiv.
Investigazzjoni konġunta mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u l-Pulizija tad-Distrett wasslet għall-arrest tagħhom b’rabta ma’ serqa ta’ madwar €150,000 fi flus kontanti minn ġo residenza ġewwa San Pawl il-Baħar li seħħet aktar kmieni dan ix-xahar.
Wieħed mill-akkużati Juanito Jimenez ta’ 28 sena li jgħix il-Ħamrun, kien mixli wkoll b’ħasil ta’ flus u li kiser il-kundizzjonijiet li kienu imposti fuqu mill-Qorti.
It-tieni akkużat, Hagen Azzopardi ta’ 28 sena mill-Imsida kien mixli wkoll li pprova jisraq pistola, żamm arma tan-nar fil-pubbliku mingħajr liċenzja, u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
It-tielet akkużat, Lydon Abela ta’ 21 sena kien mixli b’involviment fis-serqa. Huwa fil-passat kien f’relazzjoni mat-tifla tal-vittma tas-serqa, u minn filmati tas-sigurtà ġew identifikati l-imputati l-oħra.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, semgħet il-prosekuzzjoni tgħid ukoll kif Jimenez kien arrestat wara li mar fl-għassa tal-Pulizija biex jiġbor ġiżirana li kien intalab iħalli hemm il-ġimgħa ta’ qabel. Dan wara li kien mar jagħmel rapport li qed jibża’ u li hemm xi ħadd isegwih, u l-Ispettur kien innota l-ġiżirana, li tiswa madwar €30,000, u talbu jħalliha l-għassa bħala parti mill-investigazzjonijiet.
Il-Qorti ordnat ukoll l-iffriżar tal-assi kollha tal-akkużati.