Tmien Artisti Maltin Jippreżentaw Biċċiet Ta’ Arti Mhux Kompluti F’Esebizzjoni Fl-Imqabba

 Tmien Artisti Maltin Jippreżentaw Biċċiet Ta’ Arti Mhux Kompluti F’Esebizzjoni Fl-Imqabba

Ġewwa ‘Il-Kamra ta’ Fuq’, fl-Imqabba għaddejja wirja kollettiva li tesplora t-tema tan-NonFinito. Din l-esebizzjoni fetħet fid-19 ta’ Marzu u tibqa’ miftuħa sas-17 t’April 2022.

L-Artisti li qed jieħdu sehem f’din l-esebizzjoni huma Mario Abela, Alex Attard, Aaron Bezzina, Daniel Borg, Gabriel Buttigieg, Debbie Caruana Dingli, Antoine Farrugia u Darren Tanti. Huma ġew mistiedna jippreżentaw biċċiet ta’ arti li mhumiex kompluti.

Fl-istorja tal-arti nsibu bosta biċċiet t’arti li mhumiex kompluti, dan iseħħ minħabba raġunijiet varji. Fosthom wieħed jista’ jsemmi, meta artist jiddeċiedi li jabbanduna biċċa xogħol għax ikun tilef l-interess jew biex jibda jaħdem fuq xi ħaġa oħra; raġuni oħra jaf tkun li l-artist jiddeċiedi li jieqaf għax iħoss li sa fejn wasal b’xogħlu kapaċi iwassal messaġġ. Jista’ jagħti l-kas ukoll li biċċiet tal-arti fl-istorja baqgħu mhux kompluti għax l-artist ikun għadda għal ħajja oħra, qabel ma jkun temm il-biċċa xogħol. Artist jista’ jiddeċiedi li jieqaf jaħdem sabiex jinvolvi aktar lill-udjenza, dan meta iħallihom liberi jiffinalizzaw l-biċċa xogħol f’moħħhom, skont l-ideat, l-esperjenzi u l-ħsus tagħhom.

Għaldaqstant in-NonFinito u kif jirrifletti ċar fl-isem tal-esebizzjoni ‘Art Interrupted’, joħloq element ta’ intrigu u faxxinu, meta l-individwu li qiegħed japprezza l-arti isib ruħu jiddependi fuq l-immaġinazzjoni personali tiegħu sabiex jitkomplew u jiffinalizzaw dawn il-biċċiet t’arti.

Din l-esebizzjoni hija kkurata minn Melanie Erixon, għal Art Sweven. Għal aktar informazzjoni żur: ‘ART INTERRUPTED’ u ‘Il-Kamra ta’ Fuq’ fuq Facebook.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com