Tnedija Ta’ Skema Ta’ Fondi Għar-Riċerka Fil-Livell Ta’ Post-Dottorat

 Tnedija Ta’ Skema Ta’ Fondi Għar-Riċerka Fil-Livell Ta’ Post-Dottorat

Il-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni b’konsultazzjoni mal-Università ta’ Malta u l-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija qed iniedi skema ta’ fondi li se twassal biex numru ta’ studenti fl-Università ta’ Malta jkunu jistgħu jagħmlu riċerka fil-livell ta’ post-dottorat b’kollaborazzjoni ma’ operaturi ekonomiċi.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici sostna li, “Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma kruċjali għall-futur ta’ pajjiżna u skemi ta’ dan it-tip ikomplu juru kemm il-gvern hu kommess li dawn is-setturi jkunu ta’ prijorità u li jkomplu jkattru aktar opportunitajiet ta’ xogħol, studju u fl-istess ħin jesponu t-talent enormi li għandna f’pajjiżna, filwaqt li jgħinu biex niskopru niċeċ ġodda fejn tista’ timrah l-innovazzjoni.”

“Permezz ta’ din l-iskema, il-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni qed jimla l-lakuna li kien hemm f’dan is-settur u għaldaqstant se jintlaħaq l-għan li tiġi promossa u mħeġġa r-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta’ proġetti  intenzjonati li jipprovdu impatt pożittiv u kostruttiv lill-akkademja u lill-ekonomija ta’ pajjiżna. Fl-istess waqt, din l-iskema se tagħti wkoll l-opportunità lill-istudenti Maltin jibqgħu jistudjaw f’pajjiżna anki fil-livell ta’ post-dottorat, bl-għan li jitkattar aktar għarfien f’diversi oqsma tar-riċerka f’pajjiżna,” kompla l-Ministru Bonnici.

Din l-iskema hi l-ewwel riżultat li ġie fis-seħħ  wara li sar ftehim  bejn it-tliet entitajiet biex tissaħħaħ ir-riċerka u l-innovazzjoni f’pajjiżna u l-kollaborazzjoni bejn l-akkademja u l-operaturi ekonomiċi f’dan il-qasam.

Il-Pro-Rettur għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Prof Ing Simon Fabri qal,“Din l-iskema hija opportunità ġdida sabiex gradwati fuq livell ta’ dottorat jipparteċipaw mal-Università ta’ Malta u ma’ operaturi ekonomiċi f’proġetti ta’ riċerka avvanzata li huma applikabbli għall-bżonnijiet tal-industrija u tas-soċjetà.”

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija Marisa Xuereb saħqet li, “Dan huwa pass ieħor ‘il quddiem lejn dak li naħsbu li hu l-iktar pass importanti f’dan il-proċess: il-mument meta nġibu flimkien l-akkademiċi li jixtiequ japplikaw il-ħiliet tagħhom f’riċerka relevanti għall-industrija u dawk il-kumpaniji li jemmnu li r-riċerka tista’ verament tgħinhom jiżviluppaw prodotti u servizzi ġodda jew itejbu dak li diġà jagħmlu. Huwa f’dak il-mument ta’ djalogu miftuħ għall-kooperazzjoni effettiva li nkunu nistgħu ngħidu li verament qbadna t-triq għal bidla fil-mod kif inħarsu lejn ir-riċerka.”

L-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet se tkun fl-1 t’April 2022 u tagħlaq fit-30 t’April 2022, bl-għan li jkun hemm sejħiet oħrajn minn żmien għall-ieħor.

Ritratti: DOI

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com