Vjaġġ Akustiku Rock Qed Jistenniek Fil-Manoel…
It-Teatru Manoel jippreżenta Stones to Peppers – An Acoustic Journey Through the Rock Classics fid-29, 30 u 31 ta’ Marzu Għal tliet serati biss fl-aħħar jiem ta’ Marzu, l-udjenzi se jkunu jistgħu jitpaxxew b’esperjenza akustika ta’ wħud mill-kanzunetti rock favoriti tad-dinja, live fit-Teatru Manoel.
Stones to Peppers – An Acoustic Journey Through The Rock Classics se jittella’ minn kast stellari ta’ artisti Maltin, li se jinterpretaw mużika ferm maħbuba u popolari minn dan il-ġeneru, b’xejra unika.
Dan l-ispettaklu, idea ta’ Ozzy Lino u bid-direzzjoni tiegħu stess, se jeħodna fuq vjaġġ elettro-akustiku li jgħaddi minn deċennji sħaħ ta’ diski klassiċi tar-rock, b’kanzunetti ta’ U2, The Rolling Stones, REM, Jimi Hendrix, 4 Non Blondes u Red Hot Chilli Peppers. Il-programm se jinkludi wkoll siltiet, ispirati mir-rock, li ħarġu minn diversi gruppi u artisti oħra li laħqu l-quċċata tal-klassifiċi mużikali, fosthom Madonna u David Bowie.
“Stones to Peppers – An Acoustic Journey Through The Rock Classics huwa ċans, li mhux ta’ min jitilfu, biex tara wħud mill-ifjen mużiċisti u artisti Maltin jinterpretaw kanzunetti rock li jġegħluk tiċċaqlaq magħhom, fuq il-palk tat-teatru nazzjonali,” qal Massimo Zammit, il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel. “Se tkun opportunità mill-aqwa kemm għal dawk li ilhom dilettanti tar-rock sa minn dejjem, kif ukoll għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ segwaċi tar-rock, sabiex jesperjenzaw mużika popolari minn dan il-ġeneru, live u f’format akustiku, f’Malta.”
Il-kantanti Maltin li huma fost l-aqwa li pajjiżna għandu x’joffri, Ozzy Lino, Claudia Faniello u Klinsmann Coleiro, se jmexxu l-kast, akkumpanjati mill-kitarristi Wayne Camilleri u Ryan Magro, u l-bassist Stefan Xuereb. Magħhom jingħaqdu wkoll perkussjonisti mill-ifjen, b’Kurt Scerri fuq it-tnabar stil tarbuka u Aaron Sammut bil-congas u l-bongos, fost strumenti tal-perkussjoni oħra.
Stones to Peppers – An Acoustic Journey Through The Rock Classics se jittella’ fit-Teatru Manoel fid-29, 30 u 31 ta’ Marzu 2022 fit-8pm. Din is-serata hija addattata għal membri tal-udjenza li għandhom sitt snin jew aktar, u tikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet kurrenti rigward is-saħħa pubblika. Il-biljetti jistgħu jinkisbu permezz ta’ email lil [email protected], billi ċċempel (+356) 21246389 jew inkella online minn www.teatrumanoel.mt.