“Waqt Li Segwejna X’Kien Qed Jiġri Mill-Kumdità Tad-Dar, Dawn L-Irġiel Kienu Qegħdin F’Nofs Ta’ Baħar F’Riħ Forza 9” – Neil Agius
Bla dubju matul l-aħħar jumejn ħafna minna segwejna dak li kien qed jiġri mit-tanker ‘Chem P’ li fil-maltemp u r-riħ qawwi li kien is-Sibt sab diffikultà biex ikun ikkontrollat ftit ‘l barra mill-kosta ta’ Baħar ċ-Ċagħaq.
F’messaġġ li kiteb l-għawwiem Neil Agius fuq il-mezzi soċjali tiegħu ta ħajr lit-13-il raġel li kienu xogħol fuq iż-żewġ tug boats li ħarġu biex jikkontrollaw lil dan il-bastiment twil 209 metri.
“Prosit lil dawn it-13-il raġel li matul tmiem il-ġimgħa f’riħ forza 9 iġġieldu lejl u nhar sabiex jassiguraw is-sigurtà ta’ Malta u l-Maltin,” kiteb Neil Agius.
Huwa kompla jgħid li waqt li ħafna minna segwejna x’kien qed jiġri mill-kumdità tad-dar, dawn l-irġiel irriskjaw is-sigurtà tagħhom, “m’għandix dubju li marru ħafna iktar mill-limiti tagħhom,” tenna Agius.
L-għawwiem Neil Agius temm jgħid li f’għajnejh dawn l-irġiel jistħoqqilhom kull tifħir u huma eroj.