Wirja Ta’ Ritratti Fid‑Daħla Tal‑Belt Valletta U Prova Tal-Wasla Tal-Katamaran F’Għawdex Bi Tħejjija Għaż-Żjara Tal-Papa Fostna
Fid‑daħla tal‑Belt Valletta bħalissa għaddejja wirja b’ritratti tal-vjaġġi appostoliċi f’Malta mill‑Papiet fis-snin li għaddew. Din qed issir bi tħejjija għaż‑żjara fostna ta’ jumejn mill‑Papa Franġisku nhar is‑Sibt u l‑Ħadd li ġej.
Ir‑ritratti, li jmorru lura għall‑1990 meta l‑Papa San Ġwann Pawlu II qal li “l‑Ewropa teħtieġ ix‑xhieda fidila ta’ Malta”, huma akkumpanjati minn frażijiet ewlenin li l‑Papiet qalu matul iż‑żjarat tagħhom f’Malta.
Il‑Papa Franġisku se jkun it‑tielet Papa li jżur Malta. Il‑Papa San Ġwanni Pawlu II kien ġie darbtejn, fl‑1990 u fl‑2001 meta għamel beati tliet Maltin, fosthom lil Ġorġ Preca, li mbagħad ġie ddikjarat qaddis fl‑2007, waqt li l‑Papa Benedittu XVI kien ġie Malta fl‑2010.
Ir‑ritratti magħżula jorbtu wkoll mat‑tema tal‑vjaġġ appostoliku tal‑Papa Franġisku f’Malta, “ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha”, meħuda minn kapitlu 28 tal‑Atti tal‑Appostli, u li tenfasizza l‑qagħda tal‑migranti li qed jaqsmu l‑Mediterran lejn l‑Ewropa kif ukoll tippromwovi x‑xandir tal‑Kelma tal‑Mulej fil‑pajjiż.
It‑tema tfakkar ukoll fil‑merħba mill‑qalb li l‑Maltin taw lil San Pawl fis‑sena 60 Q.K., meta l‑vapur li kien fuqu tfarrak u sab ruħu fuq il‑Gżejjer Maltin. It-tema għandha sinifikat akbar bl‑influssi riċenti ta’ migranti Ukreni lejn l‑Ewropa.
Waqt li jkun Malta, il‑Papa Franġisku se jżur Għawdex, jitlob fil‑Grotta ta’ San Pawl, jiċċelebra quddiesa fuq il‑Fosos tal‑Furjana u jżur il‑Laboratorju tal‑Paċi f’Ħal Far li jilqa’ l‑migranti.
Matul din il-ġimgħa saret ukoll prova bil-katamaran li se jkun qed iwassal lill-Papa f’Għawdex nhar is-Sibt li ġej.