X’Għandek Tagħmel Jekk Id-Dokument Tal-Vot Tiegħek Ġratlu Xi Ħsara Jew Tliftu?
Il-Kummissjoni Elettorali tavża li b’effett immedjat, il-votanti li ntilfilhom, tqattgħalhom jew ġratilhom ħsara sostanzjali fid-dokument għall-votazzjoni wara li rċevewh, u dawk li għalkemm isimhom jidher fir-Reġistru Elettorali tal-25 ta’ Frar, 2022, rivedut bid-deċiżjonijiet tal-Uffiċjal Reviżur, ma rċevewx id-dokument għall-votazzjoni minħabba xi raġuni speċjali, inkluż dik li l-Kummissjoni ma kellhiex ir-ritratt tagħhom, li huma jistgħu jidhru personalment quddiem wieħed mill-Kummissjonarji Elettorali sabiex japplikaw għal dokument għall-votazzjoni speċjali. Il-votant għandu jmur fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar u jrid jippreżenta l-Karta tal-Identità.
Il-ġranet u l-ħinijiet ser ikunu mit-Tnejn sal-Ħadd, mit-8am sas-2pm u mit-3pm sat-8pm.
Nhar l-Erbgħa, it-23 ta’ Marzu (l-aħħar jum), mit-8am sas-2pm u mit-3pm sad-9pm.
Dawk il-votanti rreġistrati fit-13-il distrett elettorali (Għawdex u Kemmuna) jistgħu jattendu fl-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, ir-Rabat, Għawdex, fl-istess ġranet u ħinijiet.
Mingħajr id-dokument għall-votazzjoni, ħadd ma jkun jista’ jivvota.
Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett ċempel fuq in-numru tat-telefon f’Malta 21418622 u f’Għawdex 21556317.