“X’Ħasra Li D-Dimensja Ħakmet Lill-Partit Nazzjonalista Qabel L-Elezzjoni…” – Lynn Chircop Faure
“X’ħasra li d-dimensja ħakmet lill-Partit Nazzjonalista qabel l-elezzjoni…u l-artist Malti sar jieħu għalih bix-xejn meta tqabblu ma dak li verament mhux aċċettabbli.”
Hekk kitbet Lynn Chircop Faure fuq il-mezzi soċjali tagħha b’reazzjoni għal kumment li għaddiet il-Ministru Julia Farrugia Portelli waqt id-dibattitu fuq X-tra mal-Kandidata tal-PN Julie Zahra.
Lynn Chircop Faure qalet li l-mużiċisti u l-artisti normalment malli ssemmilhom il-palk jifirħu, mhux iħossu li huwa post fejn iġarrbu d-diżappunti.
Hija kompliet tgħid li huwa veru li hawn ħafna artisti li qatt ma ġew rikonoxxuti, “minħabba li l-politika partiġġjana tidħol f’kollox ġo dal-pajjiż toqba.”
Chircop kitbet li kieku kienet flok Julie hekk kienet tikkummenta.
Skond Lynn Chircop Faure, l-Ministru Farrugia Portelli għamlet distinzjoni leġittima dwar il-funzjoni li wieħed irid jaqdi meta jkun midħla tal-palk u taspira li tkun fil-Parlament.
“Emmnuni, dak li ġie irrapurtat mill-Mument dwari u dak li rrapurtaw illum, jien stess ma kontx rajthom. Tant li niftakar kemm Miriam Dalli kienet sorpriża għall-mod kif irreaġixxejt meta infurmatni li l-Partit Nazzjonalista kellu xi diżappunt. Għedtilha, li xtaqu li noħroġ għal Politika magħhom. Dak kien id-Diżappunt!” qalet Lynn.
“X’inbidel minn meta gazzetta ta’ Partit politiku intenzjonalment offendiet mara, omm, artista kwalifikata għax waqat fil-lixka partiġġjana?” staqsiet Chircop, filwaqt li staqsiet ukoll, “x’inbidel meta faħruni għal-valuri u l-prinċipji sodi tiegħi, kollha leġittimi għax dejjem irriflettew l-unur lejn pajjiżna?”
Lynn Chircop sostniet li huwa stat ta’ fatt illi l-Parlament u l-palk m’għandhom xejn x’jaqsmu ma xulxin.
“Naħseb min hu midħla tat-tnejn u qiegħed fil-Parlament jaf preċiż x’qed ngħid u jaf ukoll li tkun politiku mhux elett fl-għola Istituzzjoni ta’ Malta għandu jirrealizza li l-Parlament hija l-pjattaforma tal-poplu u mhux espressjoni personali (l-artist isejjaħlu palk),” saħqet il-kantanta u avukata Lynn Chircop Faure.
Hija qalet li ma tarax għalfejn dan il-fuss kollu għax xi ħadd għamel distinzjoni bejn il-funzjoni ta’ individwu fuq palk u dawk il-kredenzjali li huma sinonimi mal-funzjoni ewlenija tal-Parlament Malti. “Ma smajtx lill-avversarju jgħid li Julie diżunur għall-anqas!”
Lynn temmet tgħid li din il-ġrajja tikkonvinċiha li “veru hawn min ma’ jitgħallem qatt lanqas mill-iżbalji tiegħu stess!”
Ara wkoll:
“Li Tkun Mara, Kantanta U Attiva Fil-Politika Mhux Xi Diżunur” – L-MEIA