300 Atleta U Kowċ Internazzjonali F’Malta Għal-Logħob Tas-CSSE 2022

 300 Atleta U Kowċ Internazzjonali F’Malta Għal-Logħob Tas-CSSE 2022

Aktar minn 300 atleta u kowċ internazzjonali minn 17-il pajjiż Ewropew se jkunu f’Malta f’Ġunju biex jieħdu sehem fir-raba’ edizzjoni tal-Kampjonati tal-Atletika tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, li se jsir nhar is-Sibt 11 ta’ Ġunju f’Matthew Micallef St John Stadium fil-Marsa. Dan l-avveniment importanti se jservi biex jgħolli l-profil tal-atletika u tal-isport f’pajjiżna.

Il-fatt li dan il-kampjonat se jsir f’pajjiżna huwa rikonoxximent tal-ħidma kollettiva li qed issir mill-ministeri konċernati kif ukoll minn SportMalta u f’dan il-każ, minn Athletics Malta għat-turiżmu sportiv.

Il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar il-ħidma li qed titwettaq sabiex Malta ssir hub għall-isport u għalhekk dan is-settur jiġbed lejh avvenimenti sportivi kemm Ewropej kif ukoll internazzjonali. “Fil-fatt bħalissa għaddejja ħidma infrastrutturali kbira biex l-istadium tal-atletika tal-Marsa jsir wieħed ta’ standard tal-aqwa kwalità u ta’ livell internazzjonali u għalhekk se jkun jista’ jilqa’ dan il-kampjonat u wkoll avvenimenti oħra li se jsiru f’pajjiżna fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin”, qal il-Ministru Grima.

Il-kampjonat f’Malta, apparti r-riklam għall-gżejjer Maltin, se jara t-300 atleta barrani u uffiċjali minn 17-il pajjiż Ewropew jiġġeneraw f’pajjiżna ’l fuq minn 900 bed night b’effett dirett ta’ €170,000 fis-settur tal-ospitalità. It-turiżmu sportiv kapaċi jkun għodda importanti biex pajjiżna verament jibda jħaddan il-kunċett tal-kwalità fil-vokabularju turistiku.

Waqt l-introduzzjoni tiegħu, il-President ta’ Athletics Malta Andy Grech iddeskriva l-fatt li Malta se tospita s-CSSE 2022 bħala mument importanti għall-assoċjazzjoni. Huwa spjega li tul l-aħħar xhur, Athletics Malta kienet qed taħdem fuq żewġ binarji, kemm biex tiżgura avveniment tal-aqwa kwalità mill-aspett organizzattiv u loġistiku, filwaqt li fl-istess ħin issaħħaħ il-livell tal-atleti Maltin li se jieħdu sehem. F’dan il-kuntest kien allokat baġit bla preċedent biex l-atleti elite jieħdu sehem fi struttura ta’ taħriġ ta’ livell għoli li tinkludi kampijiet ta’ taħriġ u kompetizzjonijiet barra mill-pajjiż, bl-appoġġ tal-Kumitat Olimpiku Malti u ta’ Sport Malta.

Is-Sur Grech żvela li Athletics Malta tinsab f’diskussjonijiet mal-Athletics Association of Small States of Europe u ma’ European Athletics biex jinħoloq kampjonat tas-CSSE għar-road racing, li eventwalment jista’ jsir f’Malta wkoll. L-assoċjazzjoni qed tippromwovi wkoll lil pajjiżna bħala post ideali mhux biss għal avvenimenti sportivi iżda anke għal konferenzi, taħriġ u korsijiet organizzati fil-kuntest tal-pajjiżi ż-żgħar tal-Ewropa.

CSSE Malta 2022 hija appoġġata mill-Kumitat Olimpiku Malti, minn SportMalta, minn Visit Malta, mill-Eurosport u mis-Salini Resort.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com