31 Ristorant Lokali Rikonoxxuti Fil-Michelin Guide

 31 Ristorant Lokali Rikonoxxuti Fil-Michelin Guide

31 ristorant lokali ġew rikonoxxuti mill-Michelin Guide li ta’ kull sena tirrikonoxxi l-kwalità u l-ħiliet kulinari ta’ wħud mill-aqwa ristoranti fid-dinja, inkluż dawk li jinsabu fil-Gżejjer Maltin.

Fuq bażi anonima, spetturi ta’ din id-ditta mondjali ġew f’pajjiżna biex jaraw ir-rendiment tas-settur gastronomiku ta’ pajjiżna.

Għal din is-sena, jispikkaw il-ħames ristoranti li kisbu t-titlu prestiġjuż ta’ “One-MICHELIN Star Status” li huma Under Grain, Noni, ION-The Harbour, De Mondion u Bahia, kif ukoll ir-ristoranti taħt il-kategorija ta’ “Bib Gourmand”: Grain Street, Terrone, Rubino u Commando.

Dawn id-dettalji tħabbru waqt il-preżentazzjoni uffiċjali ta’ dawn il-premijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fil-preżenza taċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia.

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo saħaq dwar kif il-mixja tal-Michelin Guide f’Malta hija turija ċara ta’ kemm Malta bħala destinazzjoni għandha għal qalbha l-kwalità u t-turiżmu sostenibbli.

“Dawn ir-ristoranti għarfu l-importanza li jkunu minn ta’ quddiem biex jissodisfaw l-aktar klijenti esiġenti. Tajjeb ninnotaw li pajjiżna minkejja ċ-ċokon tiegħu rnexxielu jkollu livell ta’ ristoranti li huma rikonoxxuti mill-Michelin Guide”, kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.

Huwa tkellem ukoll dwar kif il-viżjoni tal-gvern għall-industrija tat-turiżmu hija li Malta tkun destinazzjoni ta’ kwalità li toffri esperjenzi differenti għal dawk li jżuruna, ewlenija fosthom l-esperjenza gastronomika.

“Ir-ristorantiera huma ambaxxaturi ta’ “prodott Malta”. Għalhekk, jeħtieġ li biex niksbu turiżmu f’din in-niċċa partikolari, l-gvern u l-industrija jkomplu jaħdmu id f’id biex isem Malta dejjem ikun ippożizzjonat ‘il fuq, fuq il-mappa turistika”, temm jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-mod kif kull ma jmur, il-preżenza ta’ ristoranti lokali fil-Michelin Guide qiegħda tiżdied.

“Bħala awtorità ninsabu pożittivi meta tqis li l-ammont ta’ ristoranti li jissemmew fil-Michelin Guide qiegħed dejjem jiżdied. Dan jipprometti tajjeb għal dak li hu l-għan aħħari tagħna, li l-Gżejjer Maltin isiru destinazzjoni tal-aqwa kwalità għal kull min jagħżel li jżur lil pajjiżna għall-vakanza tiegħu”, temm jgħid is-Sur Gavin Gulia.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com