70% Tal-Maltin Kuntenti Bis-Servizz Pubbliku – L-Ogħla Rata Fil-Mediterran
Is-Servizz Pubbliku Malti reġa’ kiseb punteġġi għolja ħafna fil-Eurobarometer maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea dan ix-xahar. F’dan l-istħarriġ, 70% tal-Maltin qalu li huma kuntenti għall-mod kif jingħataw is-servizzi governattivi. Dan ifisser 18% aktar mill-medja tal-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea.
Dawn ir-riżultati jkomplu jaffermaw kemm ir-riformi ta’ tiġdid li ġew implimentati fis-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar snin qed jagħtu l-frott.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, qal li dan ir-riżultat għandu jkun ta’ sodisfazzjon għall-uffiċjali u għall-impjegati pubbliċi li fiehmu l-ħtieġa ta’ tibdil. Is-Sur Cutajar qal li dan ir-riżultat ipoġġi lis-Servizz Pubbliku Malti fl-aħjar pożizzjoni fir-reġjun li ninsabu fih u saħansitra f’qagħda ogħla minn pajjiżi kbar bħal Franza u l-Ġermanja. Hu qal li dan mhux tmiem ta’ vjaġġ.
“Għandna nimmiraw li nilħqu livelli ogħla u riżultati aħjar biex inħabbtuha ma’ pajjiżi oħra li qegħdin fil-quċċata. Għalhekk meħtieġa l-istrateġija ġdida għas-Servizz Pubbliku li bdiet tiġi implimentata minn din is-sena u li fost għanijiet oħra għandha t-titjib ta’ dan ir-riżultat,” temm jgħid is-Sur Cutajar.
L-ewwel fażi tal-implimentazzjoni tal-istrateġija għas-Servizz Pubbliku 2022-2027 se tkun qed tiġi analizzata matul il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, li din is-sena se ssir bejn it-2 u s-7 ta’ Mejju.