95.5% Jivvotaw Favur Ir-Rapport Tal-MPE Alex Agius Saliba Għal Charger Komuni
Il-Konsumaturi mhux se jkunu jeħtieġu jixtru charger ġdid ukoll meta jixtru mobile ġdid, iżda se jkunu jistgħu jużaw chargers li diġà għandhom. Dan ifisser li mhux se jkunu qegħdin jidħlu fi spejjeż oħra filwaqt li se jkun qiegħed jiġi salvagwardjat l-ambjent mill-iskart iġġenerat mill-plastik u tagħmir elettroniku.
Dan se jkun possibbli wara li ġie addotat ir-rapport dwar charger komuni għall-prodotti elettroniċi ta’ daqs żgħir u medju, li n-negozjatur ewlieni tiegħu kien l-MPE Alex Agius Saliba, fil-Kumitat tas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur tal-Parlament Ewropew.
B’vot b’saħħtu ta’ 95.5%, il-pass li jmiss hu li l-MPE Alex Agius Saliba jibda jinnegozja l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew mal-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea biex fi ftit xhur, il-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn charger komuni. Negozjati li jekk jintemmu b’suċċess jagħtu perjodu ta’ massimu ta’ disa’ xhur lill-kumpaniji biex ipoġġu dak li l-leġiżlazzjoni qed tgħid fil-prattika.
Il-Viċi President tal-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, Alex Agius Saliba sostna li r-riżultat ta’ dan il-vot huwa ta’ sodisfazzjon wara sena ta’ ħidma fuq livell tekniku u politiku.
“Charger komuni huwa mhux biss ta’ benefiċċju għall-konsumaturi iżda għall-ambjent. Dan hekk kif il-konsumatur mhux se jkun qed jidħol għal spejjeż addizzjonali filwaqt li se nkunu qegħdin nipprevjenu l-ġenerazzjoni ta’ bejn 10,000 u 13,000 tunellata ta’ e-skart. Fir-rapport qegħdin nipproponu li dak kollu li jeħtieġ li jiġi ċċarġjat b’wire cable ikollu USB Type C Port, irrispettivament mid-ditta tiegħu.”
L-MPE Alex Agius Saliba sostna li twessgħa l-iskop tal-leġiżlazzjoni preżentata biex aktar prodotti elettroniċi jkunu jitħaddmu b’charger komuni, fosthom laptops, e-readers, earbuds, keyboards, mice, screens, printers, portable navigations, digital radios kif ukoll ġugarelli elettroniċi.
“Se naħdmu biex il-Membri Stati jaqblu ukoll mal-proposta tagħna biex il-leġiżlazzjoni tkopri ukoll smart watches, wearable & health trackers, personal care devices kif ukoll lightening equipment. Dan jiġi determinat ukoll billi jiġi stabbiliet jekk il-prodott elettroniku jkunx kbir biżejjed biex jiġi ċċarġjat b’USB-type C port.”
F’isem il-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, ir-rapport li nnegozja Alex Agius Saliba jikkunsidra ukoll dawk li huma wireless chargers li dejjem qed jiżdied l-użu tagħhom.
“Nemmen bi sħiħ li b’dan ir-rapport se ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-konsumaturi tagħna u se nkunu qegħdin nagħmlu ukoll it-teknoloġija aktar aċċessibbli għall-kulħadd. Inħares ‘il quddiem għall-pass li jmiss, wara l-vot b’saħħtu tal-lum, biex nagħmlu dan iċ-charger komuni realtà,” temm jgħid l-MPE Alex Agius Saliba.