Aġenzija Sapport Tirbaħ Il-Premju Ta’ Eċċellenza Fis-Servizzi Soċjali
Aġenzija Sapport għadha kemm ġiet preżentata bil-Premju ta’ Eċċellenza fis-Servizz Soċjali 2021 mill-European Social Network b’referenza lejn is-Servizzi fil-Komunità mmexxija mill-istess Aġenzija. Din il-preżentazzjoni saret waqt avveniment fi Brussell, il-Belġju, fil-preżenza ta’ diversi rappreżentati minn entitajiet li jipprovdu servizzi soċjali f’diversi oqsma minn madwar l-Ewropa.
Grazzi għal dan il-premju, dan is-servizz se jkun qed ikompli jitqies bħala mudell b’saħħtu ta’ servizz li joffri opportunità għal aktar inklużjoni u għajxien indipendenti.
Aġenzija Sapport ilha membru fil-European Social Network mis-sena 2017 bħala parti mill-viżjoni tal-Aġenzija li tkun parteċipi u esposta fuq livell internazzjonali bħala l-aġenzija nazzjonali li tipprovdi servizzi lil persuni b’diżabilità. Dan il-premju ngħata lill-Aġenzija wara li l-istess Servizzi fil-Komunità ġew nominati u magħżula wkoll bħala finalisti għall-Premju għall-Aħjar Tim.
Il-European Social Network tiġbor fiha servizzi soċjali pubbliċi fl-Ewropa u tgħaqqad flimkien persuni u entitajiet li jippjanaw, jiffinanzjaw, iwettqu riċerka, jirregolaw u jwasslu servizzi soċjali f’diversi oqsma, inkluż servizzi soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-qasam tax-xogħol u l-akkomodazzjoni. Din l-organizzazzjoni tgħaqqad ’il fuq minn 150 entità bħala membri minn 33 pajjiż differenti.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli, li mid-dekasteru tagħha tagħmel parti Aġenzija Sapport, iddeskriviet il-Premju mirbuħ bħala rikonoxximent qawwi għax-xogħol li jsir b’risq persuni b’diżabilità, xogħol li fost affarijiet oħra qiegħed ikompli jnissel fil-persuni b’diżabilità sens ta’ kunfidenza li huma bħal u daqs kull ċittadin ieħor fil-pajjiż. Il-Ministru Farrugia Portelli esprimiet ir-ringrazzjamenti tagħha għall-ħaddiema kollha ta’ Aġenzija Sapport li fi kliemha huma l-mutur wara d-diversi programmi li toffri l-Aġenzija.
Is-Sinjura Ruth Sciberras, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, awgurat u rringrazzjat lit-tim kollu tas-Servizzi fil-Komunità għall-impenn tagħhom sabiex jiżviluppaw dejjem aktar dan is-servizz għall-benefiċċju ta’ dawk li għandhom bżonn is-sostenn. Is-Sinjura Sciberras enfasizzat li grazzi għall-mod professjonali kif jaħdem it-tim, jagħmel is-servizz dinamiku u flessibbli, waqt li jimplimenta l-innovazzjoni li l-Aġenzija hi kommessa li twassal fil-mod kif jagħti l-opportunità lill-persuni b’diżabilità sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jgħixu ħajja indipendenti u inklussiva.
Is-Servizzi fil-Komunità fi ħdan Aġenzija Sapport jispeċjalizzaw f’servizzi individwali jew fi gruppi f’Malta u f’Għawdex, bl-għan li jinkoraġġixxi iktar indipendenza fil-ħajja ta’ kuljum u aktar sehem attiv fil-komunità. Dan is-servizz jingħata lil dawk il-persuni jew familji li wara assessjar minn ħaddiema soċjali, jiġu identifikati li għandhom sfidi jew li jiżviluppaw diffikultajiet soċjali oħra kumplessi minbarra l-preżenza tad-diżabilità fil-familja, bħal vjolenza domestika, nuqqas ta’ impjieg, problemi ta’ saħħa mentali, nuqqas ta’ akkomodazzjoni, u oħrajn.