Arċipriet Ġdid Għall-Parroċċa Ta’ Ħad-Dingli
L-Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun David Farrugia bħala arċipriet tal-parroċċa ta’ Santa Marija, Ħad-Dingli.
Dun David Farrugia twieled Ħ’Attard fl-24 ta’ April 1979. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja f’Ħal Qormi (San Ġorġ), l-edukazzjoni sekondarja fil-Liċeo Mikiel Anton Vassalli tal-Ħandaq, Ħal Qormi, u l-edukazzjoni postsekondarja fil-Junior College, l-Imsida. Kompla l-istudjiu terzjarji (Filosofija u Teoloġija) fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta.
Dun David ġie ordnat saċerdot fid-29 ta’ Ġunju 2004. Beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-parroċċa ta’ Ħal Tarxien fejn serva għal sentejn, sena minnhom bħala viċi kappillan.
Fl-2006 nħatar viċi kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Luqa u rettur taż-żona ta’ Ħal Farruġ fejn serva għal erba’ snin. Tul dawn is-snin kien ukoll direttur spiritwali tal-Kulleġġ San Benedittu – Skola Sekondarja Subien ta’ Ħal Kirkop. Dun David serva bħala chaplain tal-Junior College u bħala saċerdot fil-parroċċa ta’ Santa Luċija. Fl-2014 nħatar bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Safi u ilu mill-istess sena jservi bħala segretarju
tal-Welfare Fund tal-Kleru.
Il-parroċċa ta’ Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema f’Ħad-Dingli tiġbor fiha madwar 3,692 persuna.
.