“Din Il-Binja Kienet Ħa Tkun Il-Kaġun Ta’ Ħajja Ta’ Bniedem” – Appell Biex Tittieħed Azzjoni Malajr
“Din il-binja kienet ħa tkun il-kaġun ta’ ħajja ta’ bniedem, ta’ kollega, ta’ missier u ta’ ħabib.”
Hekk kiteb Adrian Zahra fuq il-mezzi soċjali tiegħu wara li kollega tiegħu t-Tlieta li għadda ħelisha ħafif wara li waqa’ saqaf ta’ dar abbandunata fuq il-vann waqt li kien qed isuq.
Zahra spjega kif parti minn dan is-saqaf spiċċa fit-triq, b’kantun kbir jispiċċa fil-vann li kien qed jinstaq. “B’xorti tajba ma kienx hemm passiġġiera għax kieku l-istorja kienet tkun waħda traġika!” qal Adrian Zahra.
Huwa żied jgħid li s’issa għadu ma sar xejn biex jitneħħa l-periklu li fadal. “Din il-binja tinsab fi triq traffikuża ħafna ġewwa Ħal Farruġ, triq li minnha jgħaddu tant u tant nies. X’qed nistennew li jmut xi ħadd l-ewwel umbad noqgħodu nibku xortina!” temm jgħid Zahra.