€100,000 Fi Premju Għal Negozji Ġodda Innovattivi
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri ħabbar it-TAKEOFF Seed Award 2022 (TOSFA). Dan il-premju, b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, joffri l-opportunità lil negozjanti ġodda biex jattwaw il-proġett tagħhom. Din is-sena TOSFA se talloka €100,000 għal dan il-premju.
Din hija d-disa’ darba li dan il-premju qed isir. Sa issa, diġà tqassmu mat-€800,000, li minnhom ibbenefikaw 57 negozju. Din is-sena, l-applikanti magħżula se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn għotja ta’ bejn €5,000 u €25,000 kull wieħed minnhom.
Il-Ministru Schembri qal li pajjiż b’ekonomija b’saħħitha huwa dak il-pajjiż li jagħti l-għodda neċessarja lin-negozjanti li biha jistgħu jimirħu. “Dan il-ministeru huwa kommess li jibqa’ jsaħħaħ skemi ta’ assistenza finanzjarja bħalma huma TOSFA u skemi oħra amministrati minn entitajiet oħra fi ħdan il-ministeru biex inkomplu nagħmlu minn pajjiżna ċentru internazzjonali għal negozji ġodda,” qal il-Ministru Schembri.
TOSFA hija inizjattiva bejn il-Ministeru tal-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet u l-Università ta’ Malta biex tiffinanzja l-fażi inizjali ta’ bidu ta’ proġetti teknoloġiċi li huma tajbin biex jiġu kumerċjalizzati għas-suq Malti u li permezz tagħhom tibbenefika l-ekonomija b’iżjed investiment u b’aktar opportunitajiet ta’ xogħol.
Il-Ministru Schembri qal ukoll li fi ħdan il-ministeru qed issir ħidma biex tiġi eliminata l-burokrazija żejda. “Permezz tal-Malta Business Registry, qed naħdmu biex jinbidel il-proċess burokratiku żejjed f’reġistrazzjoni ta’ kumpanija u anke fiż-żamma u fil-manteniment ta’ kumpanija. Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu proprju qed inħabbru dettalji dwar dan kif ukoll nipprovdu lin-negozjanti tagħna aktar taħriġ u informazzjoni dwar il-liġijiet u skemi li jinteressaw lilhom,” qal il-Ministru Schembri.
Il-Pro Rettur għar-Riċerka u Trasferiment tal-Għarfien, il-Professur Simon Fabri, qal li l-inizjattiva tat-TAKEOFF Seed Award tappoġġa r-riċerka ġġenerata fl-Università li twassal biex jiġu implimentati l-proġetti. L-ammont ta’ riċerka u żvilupp li jsiru f’dawn it-tipi ta’ proġetti jistgħu jsiru b’għajnuna ta’ fondi simili u b’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet stabbiliti.
“Matul is-snin rajna injezzjoni fil-fondi ta’ TOSFA. Minbarra l-fondi, il-benefiċjarji jgawdu wkoll mill-għodod neċessarji li huma jkunu jistgħu jaħdmu bihom. Grazzi għal TAKEOFF u għall-Uffiċċju għat-Trasferiment tal-Għarfien, il-benefiċjarji se jkomplu jingħataw l-appoġġ kemm waqt u anke wara l-iskema. Jien inħares ‘il quddiem lejn aktar stejjer ta’ suċċess mill-applikanti ta’ din is-sena u flimkien mal-Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, inkomplu nħarsu l-kwalità ta’ proġetti innovattivi offruti,” qal il-Prof. Fabri.
Ritratti: DOI