Fdalijiet Ta’ Ħut Kbir Mormija Fil-Kampanja Ħdejn Il-Faċilità Ta’ ‘Ta’ Ċumnija’ Fil-Mellieħa
Kunsillier mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, Gabriel Micallef permezz tal-mezzi soċjali tiegħu qasam ritratt li dalgħodu resident mill-Mellieħa stess għaddielu.
Dan ir-ritratt kif wieħed jista’ jara huwa wieħed xokkanti li juri fdalijiet ta’ ħut kbir mormi fil-kampanja ħdejn il-faċilità ta’ Ta’ Ċumnija.
“Aħna nikkundannaw azzjonijiet irresponsabbli bħal dawn, iżda aħna bħala kunsill għandna responsabbiltà akbar li naġixxu,” kiteb Gabriel Micallef.
Huwa saħaq li l-Kunsill jeħtieġ li jevalwa mill-ġdid l-istrateġija tiegħu biex jittratta l-problema taż-żibel fiż-żoni rurali tal-Mellieħa. Micallef appella għal aktar preżenza ta’ rangers ambjentali biex jgħassu żoni li huma affettwati ħafna minn irregolaritajiet, kif ukoll investiment akbar f’kameras ta’ sorveljanza.
“Fil-Mellieħa, hemm tant spirtu ċiviku li grupp ta’ residenti joffru l-ħin tagħhom kull xahar biex inaddfu dawn iż-żoni. Kemm se jdum dan iċ-ċiklu vizzjuż? Meta se nieħdu azzjoni konkreta biex verament nipproteġu dawn l-oqsma?” staqsa Gabriel Micallef.
Huwa sostna li biex isir it-tindif f’dawn iż-żoni jiswa ammont konsiderevoli ta’ flus. “Dawn il-flus jistgħu jintużaw faċilment biex nipproteġu dawn iż-żoni mportanti u jkunu ta’ investiment olistiku għall-maniġment aħjar tal-kampanja kif wara kollox mixtieq.”
Il-Kunsillier Gabriel Micallef qal li dan il-każ ġie rrappurtat lid-Dipartiment tat-Tindif u Manutenzjoni biex titnaddaf iż-żona.