Festa Frawli Fl-Imġarr Nħar Il-Ħadd Li Ġej
Wara nuqqas ta’ din l-attività ferm popolari minħabba l-pandemija tal-Covid-19, nhar il-Ħadd li ġej 24 ta’ April se terġa’ tittella’ Festa Frawli l-Imġarr.
Din se ssir bejn l-10.00 u l-17.00 fiċ-ċentru tar-raħal pittoresk tal-Imġarr u hija mtella’ mill-Kunsill Lokali tal-Imġarr u l-Kummissjoni Lejla Mġarrija kif ukoll, issaportjatha mir-Reġjun Tramuntana.
Bla dubju, il-qofol se tkun il-frotta tal-frawli li tinżel għasel f’kull forma li tiddaħħal; sew jekk f’kejk, ġilat, xarba, u bosta ideat inovattivi oħra.
Ser ikun hemm ukoll logħob għat-tfal u anke kompetizzjonijiet bi premjijiet x’jintrebħu. Dawk li jużaw it-trasport pubbliku, tistgħu taqbdu karozza tal-linja mill-Belt, numru 44 u 238 jew inkella miċ-Ċirkewwa, numru 101.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jattendi għal din l-attività.
“Din hija attività li tiġbed ħafna nies lejn ir-raħal sabiħ tagħna. Turi wkoll rispett lejn il-prodotti li jkabbru l-bdiewa lokali. Ninsabu kuntenti li wara nuqqas ta’ sentejn, fl-aħħar qed nerġgħu ntellgħuha”, qalilna s-Sindku Paul Vella.