Festivals Malta Jniedi L-Festivals Tas-Sajf Għall-2022
Festivals Malta nieda l-programm kulturali tiegħu għall-kalendarju tas-Sajf għax-xhur ta’ Ġunju u Lulju, li jinkludi l-festivals RITMU, li kien magħruf bħala Għanafest, il-Malta International Arts Festival, il-Malta Jazz Festival, u l-Malta Dance Festival, li ġie varat riċentement.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici sostna li “kulħadd għandu rwol kruċjali fil-ħarsien u l-iżvilupp tal-kultura nazzjonali u fil-protezzjoni tal-wirt kulturali. L-attivitajiet li hawn mniżżlin f’dan il-programm huma prova ċara ta’ dan.”
“L-għan ewlieni jibqa’ biex inrawmu fil-ħajja tan-nies il-kuxjenza u l-apprezzament għall-identità u l-kultura Maltija u li tħaddan il-valuri, ” sostna l-Ministru Bonnici. “Mhux biss in-nies se jkunu qed jgawdu minn dan il-programm li fih varjetà u xelta ta’ avvenimenti, iżda ħa jara s-sehem ta’ artisti lokali u internazzjonali kif ukoll se jagħti spinta ekonomika lil pajjiżna.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, spjegat li s’issa kienet sena impenjattiva għal Festivals Malta, b’riżultati pożittivi u kalendarju kulturali imżewwaq għax-xhur tas-sajf. “Wara sentejn ta’ festivals b’edizzjonijiet ridotti u dawk virtwali, Festivals Malta ħerqan biex jerġa jorganizza l-festivals fil-format oriġinali tagħhom mingħajr restrizzjonijiet. S’issa diġà kienet sena impenjattiva għal Festivals Malta, u nittamaw li permezz tal-avvenimenti tas-sajf tagħna, inkomplu nipprovdu opportunitajiet għall-artisti kif ukoll avvenimenti ta’ livell għoli għall-udjenzi tagħna,” ikkonkludiet is-Sinjura Stivala.
RITMU, taħt id-direzzjoni artistika ta’ Tiziana Calleja, ser isir bejn l-10 u l-11 ta’ Ġunju. Dan il-festival se jagħti bidu għall-kalendarju tas-sajf ta’ Festivals Malta b’taħlita interessanti ta’ kultura, ikel u mużika Maltija, fosthom l-Għana, Kantera, Albaluna, Mimmo Cavallaro, u ħafna aktar. Il-Malta International Arts Festival li se jsir bejn it-18 ta’ Ġunju u t-3 ta’ Lulju, mmexxi mid-direttur artistiku Ruben Zahra, jinkludi programm multidixxiplinarju ta’ diversi forom tal-arti, u jinkludi il-Malta Philharmonic Orchestra, Joseph Galea, Carolina Eyck, Massimo Marcelli, Rootless Root, Herve Koubi u ħafna aktar. Bejn il-11 u s-16 ta’ Lulju, id-direttur artistiku Sandro Zerafa se jippreżenta l-Malta Jazz Festival b’lineup eklettiku t’artisti bħal Joel Ross ‘Good Vibes’, Richard Bona u Alfredo Rodriguez, John Scofield’s ‘Yankee Go Home’, Danny Grissett, u ħafna aktar. L-istaġun jgħalaq bid-Dance Festival Malta li ser isir bejn it-28 u l-31 ta’ Lulju, taħt id-direzzjoni artistika ta’ Francesca Tranter – festival ta’ erbat’ ijiem li jinkludi workshops intensivi u prestazzjonijiet taż-żfin li huma miftuħin għall-pubbliku.
Il-biljetti ser ikunu għall-bejgħ dalwaqt. Għal aktar informazzjoni dwar il-festivals tas-sajf żur www.festivals.mt
Ritratti: DOI