F’Ħamis Ix-Xirka U L-Ġimgħa L-Kbira Mistennija Grigalata B’Buffuri Li Jistgħu Jilħqu L-Forza 10
Twissija ta’ riefnu bejn għada u s-Sibt li ġej.
Ir-riħ umdu mil-Lvant, mistenni li jkompli jitqawwa u jsir qawwi ħafna li jilħqu l-Forza 7-8, matul il-jum tal-Ħamis, b’buffuri li jlaħħqu anke l-Forza 9.
Dan ir-riħ mistenni li jissaħħaħ iżjed u jsir Grieg il-Lvant b’qawwa ta’ riefnu Forza 8, b’buffuri li jistgħu jilħqu l-Forza 10 fl-aktar żoni esposti, nhar il-Ġimgħa l-Kbira.
Dan ir-riħ mistenni li jwassal għas-sospensjoni fl-operat bil-katamaran u l-‘fast ferry’ bejn il-Ħamis u s-Sibt filwaqt li fil-fliegu, is-servizz tal-Gozo Channel jista’ jesperjenza xi dewmien minħabba li l-vapuri jittrakkaw fis-‘South Quay’ taċ-Ċirkewwa.
Evitaw iż-żoni mal-kosta tal-Grigal ta’ Malta, speċjalment lejn ix-Xemxija, Tas-Sliema, il-Belt u parti mill-Kottonera u anke lejn Marsaskala, fejn il-mewġ mistenni li jogħla ‘l fuq mil-livell tat-triq.
Xi attivitajiet esterni jistgħu jitħassru jew ikunu f’riskju.
Ritratt: Redeemer Saliba