“Fl-Aħħar Ħriġt Mill-Isptar” – Il-Kelliem Tal-PN Peter Agius
“Fl-aħħar ħriġt mill-isptar.” Dan kien l-ewwel messaġġ tal-Kelliem tal-PN Peter Agius hekk kif wara tnax-il ġurnata ħareġ mill-Isptar Mater Dei fejn kien rikoverat wara li propju fl-aħħar jiem tal-kampanja elettorali kien instab pożittiv għall-Covid.
Huwa rringrazzja lill-istaff kollu ta’ Mater Dei ta’ kemm ħadu ħsieb lilu kif ukoll lill-pazjenti l-oħra kollha.
“Dawn kienu ġranet ta’ rkupru fiżiku iżda wkoll ta’ riflessjoni profonda,” kiteb Peter Agius fuq il-mezzi soċjali tiegħu. Huwa qal li l-mard jurik kemm il-bniedem ma huwa xejn u kemm għandna nkunu umli u miftuħin għal ħaddieħor f’dak kollu li nagħmlu.
“Issa ftit jiem mistrieħ u wara lura għall-ħidma tagħna flimkien,” temm jgħid Peter Agius filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li kitbulu messaġġi, “kienu parti mill-fejqan tiegħi!”