“Ġejt Iżolat Apposta Minn Ta’ Ġewwa Stess…” – Jason Azzopardi Jirtira Wara 24 Sena Deputat Parlamentari
“Kburi li dejjem ħarist l-integrita tiegħi, akkost ta’ ħafna gideb u kalunji mill-viċin u mill-bogħod, u akkost li tfajt l-ħajti f’sogru u minkejja li tħallejt iżolat apposta. U iżolat apposta minn ta’ ġewwa stess.”
Hekk qal l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi f’messaġġ twil li kiteb fuq il-mezzi soċjali tiegħu wara li ma’ ġiet elett permezz tal-Elezzjoni Każwali dalgħodu.
Huwa qal li llum ġew fi tmiemhom 24 sena ta’ ħidma bħala Deputat Parlamentari kif ukoll iktar minn 34 sena attività f’kull livell fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Jason Azzopardi qal li ser ikun qed jibda jiffoka iktar fuq il-ħajja professjonali tiegħu, huwa żied jgħid li għalkemm mhux ħa jibqa’ attiv fil-ħajja pubblika xorta se jibqa’ hemm għal dawk kollha li għandhom bżonn l-għajnuna tiegħu “b’mod ġenwin”.
“Dmiri lejn pajjiżi ser inkompli inwettqu f’għalqa differenti, però bl-istess impenn, żelu u dedikazzjoni,” tenna Jason Azzopardi.
Huwa kiteb li meta kellu 17-il sena kien ġie co-opted fil-Kumitat Sezzjonali tal-PN f’Raħal Ġdid. “Tlajt tarġa tarġa. U f’kull tarġa tgħallimt.”
Azzopardi kompla jgħid li ta’ 20 sena sar Kunsillier tal-Partit u indirizza għall-ewwel darba l-Kunsill Ġenerali tal-PN. Fl-istess perjodu sar membru wkoll tal-MŻPN u lejn tmiem is-snin 90 beda perjodu twil iservi bħala Segretarju Internazzjonali tal-PN.
“Kariga li tagħtni wkoll l-opportunita tad-deheb li nattendi diversi laqgħat ma’ Eddie barra minn Malta ma’ Kapijiet ta’ Gvern meta konna mixjin lejn sħubija fl-Unjoni Ewropea,” kompla jgħid Jason Azzopardi.
Azzopardi ġie elett għall-Parlament fl-elezzjonijiet tal-1998, tal-2003, tal-2008, tal-2013 u tal-2017.
“Dawn is-snin twal ta’ xogħol fissru sagrifiċċji u ħafna, ħafna xogħol. Però fuq kollox għenuni nikber, nitgħallem u nitbaskat,” qal Azzopardi.
Huwa temm jgħid li żbalji għamel ukoll, “però għandi l-kuxjenza nadifa li dejjem imxejt b’intenzjoni retta.”
“Lil min inqast nitolbu jaħfirli. Lill-kriminal u l-korrott ma nitlobhomx jiskużawni, però. Anzi, ‘l dawk naċċertahom li ha nibqa’ nara li ssir ġustizzja u tkun magħrufa l-verità. Huma min huma.”