‘Going For Gold’ – Imnedija L-Kanzunetta Uffiċjali Ta’ Special Olympics Malta Invitational Game 2022
Hekk kif pajjiżna jinsab fuq l-għatba biex jospita l-Ispecial Olympics Malta Invitational Games 2022, tnediet il-kanzunetta uffiċjali bl-isem ‘Going for Gold’, mill-President ta’ Special Olympics Malta, Dr Lydia Abela.
Il-kanzunetta, b’kitba ta’ Ira Losco u ta’ Howard Keith, u kantata minn Ira Losco nnifisha, titkellem dwar id-determinazzjoni ta’ kull atleta biex mhux biss jasal fil-ħajja personali tiegħu iżda anke fix-xena sportiva. Iktar minn hekk, twassal messaġġ favur l-abbiltajiet ta’ kulħadd.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Dr Lydia Abela qalet li dawn il-logħob huma ċelebrazzjoni tal-ħiliet ta’ kulħadd. Iktar minn kollox, hija ċelebrazzjoni tal-mod kif l-atleti u l-familji tagħhom jirnexxilhom jegħlbu d-diffikultajiet tagħhom ta’ kuljum u jiffukaw fuq l-abbiltajiet tagħhom.
“Il-mużika hija waħda mill-għodod l-iktar effettivi biex messaġġ jasal b’mod pożittiv u effettiv u m’hemmx dubju li din id-diska tilħaq dan l-għan”, saħqet Dr Abela
Min-naħa tagħha, il-kantanta Ira Losco għaddiet messaġġ ta’ pożittività lill-atleti u saħqet li huma mhumiex biss il-protagonisti ta’ dan il-music video iżda wkoll il-protagonisti waqt l-Ispecial Olympics Malta Invitational Games 2022 li se jsiru f’pajjiżna bejn l-14 u t-18 ta’ Mejju li ġej.
Fil-fatt, f’dawn id-dati se jkun hawn mal-1,000 atleta minn 23 pajjiż differenti li se jikkompetu f’sitt dixxiplini sportivi. Dr Abela ħeġġet lill-poplu Malti biex ikun wara dawn l-atleti u joffri l-appoġġ tiegħu, speċjalment lill-kontinġent Malti. Qalet li l-isport, li huwa mod effettiv li jassigura ħajja sana u b’saħħitha, se jkun qed jgħaqqad lill-atleti kollha f’pajjiżna u joffrilhom esperjenza tad-deheb kif jixirqilhom.
Fi tmiem il-konferenza, il-President ta’ Special Olympics Malta Dr Lydia Abela ppreżentat midalja tad-deheb lil Ira Losco bħala sinjal ta’ apprezzament lejha u għall-involviment tagħha f’dawn il-logħob.
Ara l-filmat: