Ħatra Ta’ Tliet Segretarji Permanenti Ġodda
Tliet uffiċjali pubbliċi ngħataw il-ħatra bħala Segretarji Permanenti ġodda fis-Servizz Pubbliku wara l-ħatra ta’ Kabinett ġdid. Is-Sur Joseph Chetcuti, is-Sur Emanuel Psaila u s-Sur Carlos Tabone ngħataw il-ħatra mill-President ta’ Malta George Vella bħala Segretarji Permanenti fi tliet Ministeri differenti. Kien hemm assenjazzjonijiet ġodda wkoll lil uħud mis-Segretarji Permanenti attwali.
Is-Sur Joseph Chetcuti kien Direttur Ġenerali fid-Dipartiment tad-Dwana u issa nħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Saħħa; is-Sur Emanuel Psaila kien Direttur Ġenerali fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u se jkun Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza; filwaqt li s-Sur Carlos Tabone nħatar bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar wara li serva bħala Direttur Maniġerjali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Dawn il-ħatriet saru wara li dawn l-uffiċjali pubbliċi ġew innominati mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku li, wara li evalwat il-karriera ta’ kull wieħed mill-uffiċjali, irrakkomandat il-ħatra tagħhom lill-President ta’ Malta.
Minn meta nħatar il-Kabinett il-ġdid sa issa kien perjodu li matulu s-Segretarji Permanenti u uffiċjali pubbliċi oħra jintroduċu lill-Ministri u lis-Segretarji Parlamentari għall-portafoll li kull wieħed u waħda minnhom ġew assenjati mill-Prim Ministru Dr Robert Abela. Huma jiġu mgħarrfa b’dak kollu li jgħinhom imexxu l-Ministeri tagħhom u anki d-deċiżjonijiet li huma meħtieġa jittieħdu fiż-żmien li ġej.
Issa jmiss li matul din il-ġimgħa u l-ġimgħa d-dieħla kollha, wara li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet tqassmu mill-ġdid is-Segretarji Permanenti fid-dekasteri l-ġodda, jibda perjodu ta’ tranżizzjoni f’livell amministrattiv skont fejn hu meħtieġ biċ-ċaqliq li sar.
Is-Servizz Pubbliku jrid jiżżi ħajr lis-Sur Joseph Rapa li ,sa mill-2013, serva bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Saħħa, għas-servizz kbir li ta f’dil-ħatra f’dawn l-aħħar disa’ snin, u li issa huwa stess xtaq li ma jerġax ikun ikkunsidrat għal Segretarju Permanenti.
Is-Segretarji Permanenti fis-Servizz Pubbliku issa ġew assenjati kif ġej:
Is-Sur Mario Cutajar – Uffiċċju tal-Prim Ministru u Kap tas-Servizz Pubbliku
Is-Sur Kevin Mahoney – Uffiċċju tal-Prim Ministru (Kordinazzjoni u Implimentazzjoni)
Dr Joyce Cassar – Uffiċċju tal-Prim Ministru (People and Standards)
Is-Sur Joseph Chetcuti – Ministeru għas-Saħħa
Is-Sa Joyce Dimech – Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali
Is-Sur Christopher Cutajar – Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ
Is-Sur Mark Musù – Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli
Is-Sur Sharlo Camilleri – Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali
Is-Sur Ronald Mizzi – Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet
Is-Sur Paul Zahra – Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet (Fondi Ewropej)
Is-Sa Nancy Caruana – Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur
Is-Sur Johan Galea – Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u Ministeru għall-Ġustizzja
Is-Sur John Borg – Ministeru għal Għawdex
Is-Sur Emanuel Psaila – Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza
Is-Sur Anthony Gatt – Ministeru għat-Turiżmu
Is-Sur Joseph F. Caruana – Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża
Is-Sur Alfred Camilleri – Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol
Is-Sur Matthew Vella – Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni
Is-Sur Carlos Tabone – Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar
Is-Sa Christine Schembri – Ministeru għall-Anzjanità Attiva